“Se nirtira b’moħħi mistrieħ” – Scicluna dwar Caruana

Edward-Scicluna
Miguela Xuereb

Read in English.

L-eks-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li hu se jkun qed jirtira b’moħħu mistrieħ mill-politika. Hu qal li jemmen li Clyde Caruana, li se jkun qed jassumi l-irwol ta’ Ministru għall-Finanzi taħt il-Kabinett il-ġdid imħabbar ilbieraħ, huwa għażla ideali.

Hu qal dan fid-diskors tiegħu waqt attività politika tal-Partit Laburista dalgħodu. Din l-attività politika qed tiġi propju lejliet meta l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar il-Kabinett il-ġdid. Scicluna qal li Prim Ministru jħabbar Kabinett ġdid mhix ħaġa faċli, partikolarment għax il-Prim Ministru jrid jieħu dawn id-deċiżjonijiet ibsin. Sostna li l-passat jagħti konfort, imma l-Prim Ministru Abela għandi bżonn Kabinett iktar żagħżugħ u b’iktar enerġija.

Scicluna qal li Caruana kien student tiegħu u minn dejjem jiftakru bħala bniedem ħabrieki u bravu. Insista kif ħafna mir-riformi fil-pajjiż ħareġ bihom b’suċċess Caruana stess. B’hekk m’għandu l-ebda dubju li se jkun qed jagħmel xogħol siewi f’dan l-irwol.

Hu temm jgħid li se jkun qed jaħdem li jinnormalizza kemm jista’ jkun l-affarijiet fil-pajjiż. Insistew li huwa importanti li wieħed jaċċetta meta jkun hemm persuni li jimxu minn partit għall-ieħor. Irrimarka li din il-mixja tagħhom kienet importanti għall-Partit Laburista.

Scicluna kien propost biex jassumi l-irwol ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.