“Se nippubblika r-rapport tad-due diligence dwari” – Bernard Grech

Read in English.

Il-kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista se jippubblika r-rapport tad-due diligence li qed jiġi mħejji minn tliet awdituri mqabbdin mill-Partit Nazzjonalista.

F’intervista li saritlu fuq Net FM, ir-radju tal-Partit Nazzjonalista, Grech qal li l-governanza tajba mhix biss buzzword iżda trid tkun imħaddma anke fuq bażi personali. Fisser għalhekk il-pjan tiegħu li kif jasallu r-rapport dwaru tad-due diligence mill-kumitat li qed janalizza l-kanididati huwa jippubblikah għax qal li m’għandu xejn x’jaħbi.

Adrian Delia qal li huwa ilu jisħaq li r-rapport ikun ippubblikat “sa mill-ewwel ġurnata”.

Grech żvela wkoll li qed ikun hemm allegazzjoni dwaru mingħand min irid imexxi kampanja negattiva u mingħand nies li jridu jdeffsu dubji ħżiena dwaru. Fisser għalhekk li n-nies għandhom dritt li ikunu jafu l-verità kemm jekk hi tajba u kemm jekk hi ħażina u permezz tar-rapport li se jippubblika se jkunu jistgħu jagħmlu dan.

Fl-intervista Grech qal li l-Partit Laburista falla fil-governanza tajba minkejja li kien wiegħed il-meritokrazija. Spjega wkoll li bħalissa f’Malta hawn impunità għaliex hawn persuni li qed jiksru l-liġi u ħadd mhu jgħidilhom xejn.

Ir-rapport għadu mhux lest – il-PN

Il-Kummissjoni Kandidati tal-PN qal li r-rapport dwar il-kandidati għadu mhux lest minkejja li ċ-Chairperson tal-Kummissjoni Kandidati Colin Bowman kien ikkwotat jgħid li ż-żewġ kandidati, kemm Bernared Grech kif ukoll Adrian Delia, huma idoneji li jkunu Kap.

Fi stqarrija li ħareġ Bowman, huwa qal li ġie interpretat ħażin għaliex qal li skont l-istatut tal-PN, il-ħidma hija marbuta ma’ żewġ punti, l-ewwel idonjeta’ tal-persuni li juru interess kif imfissra fl-istess statut “persuna b’karattru personali integru u onest, li l-uniku motivazzjoni tagħha hija li tkun għas-servizz tal-poplu u għal ġid komuni tiegħu u kompetenti” u t-tieni li dik il-persuna tkun issodisfat l-eżerċizzju dwar “id-diliġenza approvata”.

Il-Kummissjoni fuq l-ewwel punt iltaqgħet f’laqgħat separati maż-żewġ persuni li esprimew interess u sarulhom numru sew ta’ domandi li l-membri ħassew li kienu rilevanti. Dan l-istadju huwa issa magħluq.

Il-Kummissjoni fuq it-tieni punt inkarigat tlett esperti Dr Clyde La Rosa, s-Sur Mario P. Galea u s-Sur Antonio Ghirlando li għaddejjin b’ħidmiethom. Il-Kummissjoni ġiet infurmata li riċentement intalbet informazzjoni ulterjuri mingħand l-imsemmija Dr Adrian Delia u Dr Bernard Grech u għalhekk ir-rapport tagħhom għadu mhux lest.