Se ninvolvu liż-żgħażagħ fl-abbozzi tal-Parlament – PN

PN

Il-Partit Nazzjonalista (PN) qal li se jinvolvi liż-żgħażagħ fl-abbozzi li se jressaq fil-Parlament.

Fi stqarrija ffirmata mid-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, il-Kelliem għaż-Żgħażagħ u għall-Isport qal li ltaqa’ b’mod virtwali mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) u mal-bord ta’ Sport Malta.

“Mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, li ġew introdotti mill-President Chiara Vassallo, stqarrejt li l-Oppożizzjoni kienet se tkun qed tinvolvi liż-żgħażagħ f’konsultazzjoni fejn jidħlu abbozzi li jitressqu fil-Parlament u li b’xi mod il-KNŻ ikun jixtieq iressaq l-ideat u l-proposti tiegħu,” qal Cutajar.

“Laqgħa oħra li kelli kienet dik mal-bord ta’ Sport Malta. Matul din il-laqgħa, saret introduzzjoni mill-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta, Mark Cutajar, u ddiskutejna, flimkien mal-kumplament tal-Bord, numru ta’ suġġetti. Tkellimt dwar ir-rwol li l-Oppożizzjoni se tkun qed tieħu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin dwar kif l-isport f’pajjiżna jista’ jingħata aktar attenzjoni u sostenn mill-Gvern Ċentrali. L-Oppożizzjoni, filwaqt li tirrikonoxxi ħidmet Sport Malta, se tkun qed taqsam il-ħsibijiet u s-suġġerimenti tagħha mal-istess entità sabiex l-isport u l-isportivi jingħataw dejjem l-ispazju u l-finanzjament meħtieġ,” kompla jispjega Cutajar.

Fi kliem Cutajar punt komuni li ħareġ minn dawn iż-żewġ laqgħat kien li dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet qed iħarsu ‘l quddiem sabiex ikun hemm aktar opportunitajiet ta’ ħidma konġunta.