“Se niltaqgħu ma’ tal-Melita; mhux se mmur niġbor il-flus”

L-Arċipriet tal-Birgu qal ma’ Newsbook.com.mt li l-kumpanija Melita minn jeddha kkuntattjatu sabiex tiltaqa’ miegħu dwar il-ħsara li saret lill-istatwa tal-irxoxt nhar il-Ħadd li għadda.
Minħabba wajer tal-Melita li kien baxx wisq, l-Irxoxt spiċċa bi driegħ ix-xellugi nieqes.
Dun Karm Busuttil qal li minn dak li qed jifhem hu, il-Melita se tkun qed tkopri l-ispejjeż tar-restawr tal-istatwa u sostna li qatt ma kien beħsiebu jitlob lin-nies sabiex jagħtu donazzjonijiet għar-restawr.
Ma’ Newsbook.com.mt spjega kif għadd ta’ persuni avviċinawh sabiex jagħtu donazzjoni għar-restawr tal-istatwa iżda hu dejjem irrifjuta. Sostna li għandu jkun min ikkawżaha li jkopri l-ispejjeż u mhux il-benefatturi.
Fil-jiem li għaddew, Dun Karm kien spjega kif qabel ma jiġru bil-vara, ir-reffiegħa jpoġġu l-vara fl-art imbagħad jerfgħuha bl-idejn. Żied jgħid li meta waslu biex iduru għal Triq il-Ħabs l-Antik, l-istatwa weħlet ma’ wajer tad-dawl. Il-kumpanija Enemalta ċaħdet li l-wajer kien tagħha.
L-Arċipriet kompla jispjega li l-wajer tant kien baxx li lanqas kien jgħaddi vann żgħir minn taħtu. Insista li minħabba f’hekk għamel rapport mal-Pulizija.
Illum kompla jispjega li meta jorganizza xi ħaġa dejjem jassigura li jkollu kollox kif suppost, u sostna li kellu l-permessi kollha neċessarji mingħand il-Pulizija sabiex it-toroq jintużaw għall-purċissjoni.
Ritratt: Times of Malta