“Se nieqaf mix-xogħol għax uliedi bla LSEs”

Read in English.

Omm li tkellmet ma’ Newsbook.com.mt qalet li se jkollha titlaq mix-xogħol għax m’għandhiex ma’ min tħalli liż-żewġ uliedha, billi għadhom ma ġewx allokati LSEs għalihom.

Din l-omm applikat għas-servizz ta’ Bridge Holidays u Skola Sajf Klabb3-16 fil-Fgura, fejn l-ewwel servizz kellu jibda jingħata min-nhar it-Tnejn 2 ta’ Lulju.

Ma’ Newsbook.com.mt, spjegat kif ladarba ma rċeviet xejn dwar l-applikazzjoni ta’ uliedha, għamlet kuntatt mal-awtoritajiet li spjegawlha li l-LSEs għas-sajf fl-iskola tal-Fgura għadhom ma ġewx allokati.

Irrakkontat kif għamlet kuntatt mal-koordinatur ta’ Skolasajf fejn ġiet mgħarrfa li fl-iskola tal-Fgura biss, hemm sebat itfal oħra li huma milquta mill-istess sitwazzjoni.

Din l-omm kompliet tgħid li ma tistax tifhem kif ħadd ma kellimha b’xejn, wara li fil-formola tal-applikazzjoni kienet immarkat il-bżonn li uliedha għandhom bżonn LSE u pprovdiet ukoll id-dokumentazzjoni meħtieġa.

Semmiet kif għamlet kuntatt anke mal-Ministeru tal-Edukazzjoni fejn ir-risposta li ngħatat kienet li qed jinnotaw b’dispjaċir din is-sitwazzjoni u li din hija dovuta għal nuqqas ta’ riżorsi.

L-omm qalet li llum stess qed tkellem lil min iħaddimha sabiex tinfurmah li se jkollha tieqaf minn xogħolha biex mit-Tnejn li ġej tkun tista’ toqgħod ma’ uliedha.

Newsbook.com.mt bagħat sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Ministeru tal-Edukazzjoni dwar dan u qed jistenna tweġiba.