Se nieħdu s-snin biex inlaqqmu lil kulħadd – President tal-MUMN

Read in English.

Il-President tal-MUMN, Paul Pace qal li bil-mod kiebi li bih qed tingħata t-tilqima tal-Covid-19, Malta se tieħu s-snin biex tlaqqam lil kulħadd. Meta kien qed ikellem lil Newsbook.com.mt, Pace qal li mhux biss qed jingħataw ftit tilqimiet kulljum imma hemm dubju kemm qed jaslu vaċċini f’Malta.

Tilqim bil-qatra

Pace qal li jidher li hu ċar li l-għadd ta’ tilqimiet li qed jingħataw mal-jum huwa baxx ħafna. Żied li għalkemm l-isptarijiet u ċ-ċentri tas-saħħa kienu għal-lest biex jimplimentaw il-programm tat-tilqim, l-għadd ta’ injezzjonijiet li qed jgħaddilhom il-Gvern huwa wieħed miżeru. “Qed ikollna xogħol ta’ madwar tliet kwarti, lanqas siegħa, meta tara kemm qed jagħtina titqib il-gvern,” qal Pace, “…tlieta minn nies biex ilaqqmu 20 ruħ, ifisser 40 minuta kollox ta’ xogħol”. Żied jgħid li b’din ir-rata ‘it’s going to take us years’ (se ndumu snin) biex kulħadd jitlaqqam.

Pace qal li bħalissa l-pajjiż għandu bejn wieħed u ieħor mad-9,000 titqiba minħabba li d-doża tkun trid tinqasam. Innota li d-djar tal-anzjani tal-privat, li minnhom hawn madwar 40, ma ngħataw l-ebda prijorità, kif ġara, pereżempju fir-Renju Unit.

Herd immunity, jew immunità tal-massa sseħħ meta l-parti l-kbira tal-komunità trabbi reżistenza għall-marda u r-riskju li persuna tieħu l-marda minn persuna oħra jkun minimu. Dan iwassal biex il-komunità kollha tkun protetta b’mod naturali.

www.mayoclinic.org (tradotta)

Iżda fejn hi l-problema?

Il-qofol tal-problema skont Pace hija l-għadd ta’ titqibiet li qed jaslu Malta mill-Unjoni Ewropea. “Huwa ċar li l-għadd ta’ titqibiet li qed jaslu Malta mill-UE, minkejja l-ftaħir, huwa baxx ħafna. Il-previżjonijiet li qed jagħmel il-Gvern li sa Mejju Malta terġa’ lura għan-normal u sa tmiem is-sajf ikollna ‘herd immunity’ mhux se tintlaħaq b’dan l-ammont daqshekk baxx ta’ titqibiet,” qal Pace. 

Pace tefa’ dubju wkoll dwar dan il-kunċett ta’ ‘herd immunity’. Huwa rrefera għall-“Ispanjola”, l-influwenza li fl-1918 qatlet nies aktar milli qatlet l-Ewwel Gwerra. Pace qal li din għebet wara erba’ snin għax il-popolazzjoni rabbiet l-immunità naturali. Bil-Covid-19 dan ma jidhirx li se jkun il-każ għax hemm diversi każi li kienu rrappurtati ta’ persuni li ħadu l-Covid-19 għal darba tnejn jew aktar. Dan, qal Pace, juri li l-immunità naturali hija dgħajfa. Pace kkwota riċerka li turi li t-tilqima toffri immunità aktar soda minn dik naturali iżda ż-żmien għadu mhux magħruf minħabba li għad trid issir ir-riċerka.