“Se niddiskutu biss il-karigi vakanti” – Il-President tal-Eżekuttiv tal-PN

Read in English.

Alex Perici Calascione, il-President tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, qal li fil-laqgħa tal-lejla se jiġu diskussi biss il-karigi vakanti, u l-ebda kariga oħra, li huma fid-diskrezzjoni tal-Kunsill Eżekuttiv.

Dan il-kumment għaddieh waqt kollegament li għamel fuq il-programm Newsbook Hour fuq 103, ippreżentat minn Jesmond Saliba.

Il-President tal-Eżekuttiv fisser li fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-Eżekuttiv li se ssir illum fis-6pm hemm il-karigi vakanti ta’ Segretarju Ġenerali, President tal-Kunsill Eżekuttiv, President tal-Kunsill Amministrattiv, Teżorier u Segretarju Internazzjonali.

Dawn huma karigi li jiġu eletti mill-Eżekuttiv għal sentejn. Il-perjodu skada f’Novembru li għadda. F’Novembru, iżda, Louis Galea, li qed imexxi r-riforma fil-Partit Nazzjonalista, talab lill-Eżekuttiv biex ma jsirux il-proċessi tal-elezzjonijiet sabiex jibqa’ għaddej il-proċess tar-riforma. L-Eżekuttiv iddeċieda li jestendi dan il-proċess sa Marzu.

Nhar il-Ħamis li għadda, Galea kiteb lil Delia biex jgħidlu li wasal iż-żmien li issa ssir l-elezzjoni għal dawn il-karigi.

Perici Calascione semma kif l-Eżekuttiv issa huwa mitlub jaċċetta jew ma jaċċettax il-proposta li jiġu attivati l-elezzjonijiet. Spjega li jekk jiġi deċiż li jinbeda l-proċess, ikun hemm perjodu qasir għan-nomini, li mbagħad jissemmew f’laqgħa oħra tal-Eżekuttiv.

Intant, illum il-gazzetta In-Nazzjon ippubblikat l-ittra ta’ reżenja ta’ Robert Arrigo minn Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista. F’din l-ittra, Arrigo qal lil Delia li hu irritat bin-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu.

Il-Ħamis li għadda, 17-il Membru Parlamentari kitbu stqarrija li fiha qajmu tħassib fuq Adrian Delia bħala Kap tal-Partit u talbuh jikkunsidra din il-pożizzjoni. Kien fl-istess jum li Louis Galea kiteb ittra biex jitlaqqa’ l-Eżekuttiv ħalli tintgħażel tmexxija ġdida.

Irreżenjaw ukoll Kristy Debono minn President tal-Kunsill Ġenerali, u l-għada Clyde Puli minn Segretarju Ġenerali, li ħabbar li mhux se jerġa’ jikkontesta l-kariga f’Marzu.