Se nibqgħu sejrin sakemm l-immigranti jitniżżlu l-art – Xandru Cassar

Xandru Cassar, iż-żagħżugħ li qed jissielet għal trattament ġust ta’ dawk li jinsabu f’periklu li jmutu bejn sema u ilma bit-tama li jsibu ħajja aħjar, sostna li d-demostrazzjonijiet se jibqa’ jagħmilhom sakemm l-immigranti jitniżżlu l-art.

Cassar qal dan f’diskors quddiem il-Parlament ilbieraħ waranofsinhar fejn appella wkoll sabiex aktar studenti żgħażagħ jingħaqdu f’din l-għajta kontra ż-żamma tal-immigranti fuq vapuri ‘l barra mill-kosta Maltija.

Cassar qal li l-Gvern qed iżomm in-nies ostaġġi ta’ logħob politiku u b’hekk qed jikser id-drittijiet fundamentali tagħhom. Qal li hemm mal-425 immigrant li qed jinżammu fuq erba’ bastimenti u li ilhom jinżammu hemm mal-ħames ġimgħat.

“35 jum mingħajr ma nafu x’se jsir minnhom”

Hu rrimarka kif dawn il-persuni ilhom 35 jum fuq il-baħar mingħajr ħadd ma jaf x’sar minnhom. Qal li dawn il-persuni għaddejjin minn tortura psikoloġika għax ma jafux x’hemm fil-futur tagħhom. Sostna li d-dgħajjes Maltin mhux mgħammra għall-ibħra miftuħa u ma kinux iddisinjati biex jospitaw ‘il fuq minn 100 ruħ, lejl u nhar. Spjega wkoll kif dawn il-persuni tħallew mingħajr aċċess ta’ assistenza legali, interpreti jew il-ħaddiema tal-AWAS, l-aġenzija li taħdem ma’ dawk li qed ifittxu l-ażil.

Cassar qal li kien għalhekk li hu u studenti u żgħażagħ oħra qed jagħmlu dimostrazzjoni quddiem il-Parlament Malti. Spjega li bħala ċittadini ta’ pajjiż demokratiku, jemmnu li d-drittijiet fundamentali għandhom ikunu mħarsa f’kull ċirkostanza. Qal li jemmnu li d-dinjità tal-ħajja m’għandhiex tkun imkasbra b’dan il-mod.

Huma sejħu biex il-persuni li qed jinżammu fuq il-vapuri Maltin jitħallew jinżlu l-art, f’port sigur. “Id-drittijiet fundamentali tal-bniedem għandhom jiġu l-ewwel u qabel kollox,” insista Cassar.

“Irridu nfakkru lill-Membri Parlamentari fiċ-ċirkostanzi ta’ dawn in-nies inkarċerati fuq il-baħar, u iktar minn hekk, fir-responsabbiltà tagħhom fl-irwol ta’ rappreżentanti eletti,” sostna Cassar. Hu sejjaħ lill-Gvern Malti biex ipoġġi l-ħajja umana l-ewwel u qabel kollox.

“Nixtieq ukoll nagħmel appell sinċier liż-żgħażagħ u l-istudenti; kemm tajna attenzjoni, u bir-raġun kollu, lil trattament degradanti, ksur ta’ drittijiet fundamentali, u telf tal-ħajja fl-Istati Uniti. Kemm hu tajjeb li nifhmu u nipparteċipaw fi ġrajjiet kurrenti, u li nesprimu d-diżapprovazzjoni tagħna għal dak li nħossu li mhux ġust. Inħeġġeġ lil żgħażagħ u studenti li jħossu li t-trattament ta’ dawn il-persuni mhux aċċettabli biex jikkuntatjawna fuq Facebook Messenger biex jingħaqdu magħna il-ġimgħa d-dieħla, meta ħa nkunu iktar nies,” qal Cassar.