“Se nibqa’ nuri l-lealtà lejn il-Partit Laburista” – Mizzi; Jibqa’ MP

Read in English.

Konrad Mizzi kkonferma mill-ġdid li se jibqa’ jservi bħala Membru Parlamentari minkejja li ġie mkeċċi mill-Grupp Parlamentari Laburista.

Permezz ta’ post fuq Facebook, Mizzi ħabbar li dalgħodu nforma lill-iSpeaker tal-kamra li se jibqa’ juri l-lealtà tiegħu lejn il-Partit Laburista fix-xogħol parlamentari tiegħu. Hekk kif se jibqa’ jokkupa l-kariga ta’ Membru Parlamentari, iżda issa indipendenti, Mizzi insista li bil-vot tiegħu fil-Parlament se jkompli jsostni l-isforzi tal-Gvern Laburista.

Qal ukoll li l-mira tiegħu hi li jibqa’ jagħti l-kontribut tiegħu lejn l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż. Qal li se jibqa’ jagħti l-kontribut tiegħu fil-politika u se jkun jkun il-vuċi tal-kostitwenti tiegħu.

Għadni kif infurmajt l-iSpeaker tal-kamra li se nibqa’ nuri l-lealtà lejn il-Partit Laburista fix-xogħol parlamentari…

Posted by Konrad Mizzi on Friday, June 26, 2020

Fit-23 ta’ Ġunju, il-Prim Ministru Robert Abela qal li 71 persuna mit-73 eliġibbli biex jivvutaw ivvutaw li Konrad Mizzi ma jibqax jagħmel parti mill-Grupp Parlamentari Laburista. Il-vot kien wieħed anonimu.

Hu u jkellem lill-ġurnalisti wara l-laqgħa urġenti tal-Grupp Parlamentari fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, il-PM qal li persuna waħda astjeniet u persuna oħra vvutat kontra l-mozzjoni li ressaq hu. Mizzi kien preżenti għal-laqgħa virtwalment peress li għadu kwarantina.

Fl-2013, Mizzi kien wieħed mill-kandidati l-aktar prominenti fl-elezzjoni ġenerali li rat lill-Partit Laburista jitla’ fil-Gvern wara 25 sena fl-Oppożizzjoni. Madankollu, il-popolarità tiegħu malajr sfat mittiefsa meta ġie skopert li flimkien ma’ Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Mizzi fetaħ kumpanija fil-Panama, ftit wara li kiseb il-poter ministerjali ta’ Ministru għall-Enerġija. Akkużi ta’ korruzzjoni b’rabta ma’ proġetti governattivi kbar bħall-Electrogas, il-każ tal-Vitals, tal-Imrieħel, u tal-proġett tal-Grupp db f’Pembroke, dejjem inkludew isem Mizzi.

F’Novembru li għadda, Newsbook.com.mt żvela li Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black u negozjant potenti li huwa akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, qal lill-Pulizija li kien lest jitkellem fuq diversi każijiet ta’ korruzzjoni, fosthom dwar l-iskandlu ta’ Montenegro li ġie żvelat mit-Times of Malta u Reuters il-ġimgħa li għaddiet. Il-Pulizija għaddiet dan it-tagħrif lill-Kabinett, u preżenti għal din il-laqgħa kien Robert Abela, dak iż-żmien konsulent legali ta’ Joseph Muscat, illum Prim Ministru.

Meta l-iskandlu ta’ Montenegro spiċċa fil-midja internazzjonali, Abela rreaġixxa malajr, b’mod partikolari minħabba r-rapport tal-Moneyval li se jsir dalwaqt.

Fl-2015, il-kumpanija ta’ Yorgen Fenech 17 Black għamlet profitt mhux dikjarat ta’ €4.6 miljun meta l-Enemalta xtrat wind farms f’Montenegro. Konrad Mizzi dak iż-żmien kien Ministru għall-Enerġija, u kien hu li mexxa dan il-ftehim.