“Se nibqa’ ngħin lin-nies” – Il-PM Abela

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li daħal fil-politika biex jgħin lin-nies u hekk se jibqa’ jagħmel bl-irwol il-ġdid tiegħu bħala Prim Ministru ta’ Malta.

Dan qalu fl-ewwel messaġġ qasir tiegħu lin-nazzjon, imxandar fuq Television Malta, wara li llum ħa l-ġurament tal-ħatra. Il-messaġġ kellu jixxandar qabel l-aħbarijiet tat-8pm, imbagħad tħabbar li se jkun wara l-aħbarijiet u beda fid-9.15pm.

Abela qal li n-nies trid l-istabbiltà, l-għaqda u s-serħan il-moħħ, u hu se jara li l-ħidma tiegħu tiffoka fuq dawn il-punti. “L-għaqda nazzjonali dejjem rebħet fuq il-biża’,” qal il-Prim Ministru. Stqarr li ħadd ma jista’ jitħalla jaqa’ lura fis-soċjetà.

Lill-poplu qallu li l-prijoritajiet u l-aspirazzjonijiet tan-nies huma tiegħu wkoll. Mil-lum il-Prim Ministru qal li beda jaħdem biex jitwettaq il-manifest elettorali “b’lealtà lejn il-prinċipju tal-ġustizzja soċjali.” Semma wkoll li l-ekonomija tkun b’saħħitha u jinħoloq iktar xogħol.

Dan il-kliem dewa d-diskors ta’ Abela lbieraħ, l-ewwel diskors tiegħu wara li ġie elett Mexxej tal-Partit Laburista. Waqt dak id-diskors huwa wkoll tkellem dwar l-importanza tal-għaqda u qal li mil-lum, il-Maltin jistgħu jsibu serħan il-moħħ.

Intant fi stqarrija, il-Kamra tan-Negozju għal Għwdex ferħet lil Abela fil-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru ta’ Malta. Qalet li temmen li dan hu pass importanti biex il-pajjiż jakkwista l-istabilità meħtieġa. Kompliet tgħid li fuq livell nazzjonali dan ifisser li għandhom jiġu indirizzati t-temi tal-governanza u ttrasparenza, filwaqt li jitkomplew ir-riformi meħtieġa fuq ħafna oqsma, inkluż it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet governattivi u r-riformi soċjali.

Il-Kamra sostniet li tixtieq turi wkoll ix-xewqa li Għawdex ikompli jitqies bħala prijorità, u li l-proġetti li hemm ippjanati fuq Għawdex ikomplu u joktru.