“Se nibqa’ attiv, imma fil-ġenb” – Joseph Muscat

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li qed jgħix dawn l-aħħar jiem tiegħu fil-kariga b'”serenità kbira” u li beħsiebu jibqa’ attiv imma fil-ġenb.

Dan qalu waqt l-aħħar intervista li kellu fuq ONE Radio bħala Prim Ministru. Huwa qal li beħsiebu jagħti l-ispazju li hemm bżonn lill-mexxej il-ġdid sabiex jasserixxi lilu nnifsu. Insista li hu importanti li ma jkunx hemm paraguni bejnu u bejn is-suċċessur tiegħu peress li kulħadd għandu l-karattru tiegħu u l-mod tiegħu ta’ kif imexxi.

Dwar il-proċess tal-elezzjoni, Muscat qal li l-Partit Laburista ssaħħaħ, u li hu ħa gost jara sens ta’ unjoni u kollaborazzjoni f’dal-perjodu, u mhux pika.

“Dispjaċir li ma lħaqtx lestejt ir-riforma tan-nisa fil-Parlament”

Meta mistoqsi fuq il-proġetti li bdew taħtu bħala Prim Ministru iżda għadhom ma tlestewx, Joseph Muscat qal li għandu dispjaċir li ma laħaqx lesta r-riforma ta’ iżjed nisa fil-Parlament hu, imma ċert li l-Gvern il-ġdid ħa jkun qed jara li din tiġi konkluża. Semma wkoll il-proġett ta’ mina bejn Malta u Għawdex, li hija ħaġa deċiża u li din il-ġimgħa ħareġ it-tender għaliha.

“Irridu nkunu progressivi tal-fatt”

Il-Prim Ministru qal li “il-mument li bdejna nibżgħu mill-bidliet sirna progressivi tal-isem u konservattivi tal-fatt, irridu nkunu progressivi tal-fatt.” Dan qalu fir-rigward tal-bidliet meqjusin progressivi li għamel il-Gvern Laburista, bħal-legalizzazzjoni tad-divorzju u taż-żwieġ ċivili. Tkellem fuq meta fil-kampanja tiegħu għal mexxej tal-Partit fl-2008 kien semma li jixtieq li d-divorzju jsir legali, u qal li kien ixxokkja lin-nies b’dik id-dikjarazzjoni, iżda stqarr li jħossu “kburi li l-poplu fehem li l-bidliet kien hemm bżonn li jsiru, u affarijiet li ma konniex nimmaġinawhom fl-2008.”

Sostna li l-aġenda tal-bidla tal-Gvern Laburista għadha ma spiċċatx u li fadal xi jsir.

Il-Prim Ministru temm il-messaġġ tiegħu billi appella lit-tesserati biex imorru jivvutaw u biex jagħtu l-appoġġ kollu tagħhom lill-mexxej elett.

Illum bdiet il-votazzjoni bikrija għall-elezzjoni ta’ mexxej ġdid tal-Partit Laburista, għal dawk li ma jistgħux jivvutaw nhar is-Sibt li ġej.