Se nibdlu wiċċ Malta bir-riformi – Muscat

Il-Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li l-Gvern Laburista se jkun qed jibdel wiċċ Malta permezz ta’ diversi riformi fil-futur.
Waqt attività politika fir-Rabat Għawdex, Joseph Muscat qal li meta l-poplu jħares lura jassoċja lill-Partit Laburista (PL) ma’ partit li kien kapaċi jqassam il-ġid. Sostna li wara li għadda ż-żmien, il-poplu beda jinduna li l-PL kien kapaċi joħloq il-ġid ukoll.
Muscat fakkar kif kien il-Gvern Laburista li ħoloq is-sistemi tal-pensjoni u tal-benefiċċji soċjali.
Skont Muscat, il-Maltin għażlu lill-Gvern Laburista minħabba l-prinċipji tiegħu dwar il-mobbilità soċjali, il-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza, u l-għaqda nazzjonali. Huwa qal li l-ġenituri jieħdu gost jaraw lil uliedhom jirnexxu aktar milli rnexxew huma. Dwar il-ġustizzja soċjali saħaq li tajjeb li wieħed jgħin lill-proxxmu meta dan jaqa’ biex jerġa’ jqum fuq saqajh. Dwar l-ugwaljanza, Muscat qal li dan ifisser li kulħadd ikollu l-istess opportunitajiet.
Irrimarka li t-tkabbir ekonomiku huwa l-bażi ta’ dan kollu.
Fi kliem Muscat, il-kwistjoni tal-lum fil-pajjiż hija l-mistoqsija ta’ liema Gvern huwa kapaċi joħloq pajjiż modern, dwar liema Gvern kapaċi jwettaq ir-riformi li hemm bżonn biex iġib il-bidla. Muscat iħoss li l-Gvern Laburista jista’ jmexxi din il-bidla.
Semma kif peress li Malta għandha pedamenti sodi u ekonomija miexja ‘l quddiem, dan ikun mument opportun li fiha wieħed jara li dawn ir-riformi jitwettqu. Fost ir-riformi li semma Muscat irrefera għan-nisa fis-soċjetà, Kostituzzjoni ġdida, id-drittijiet tal-minoranzi u l-immigrazzjoni.
Huwa qal li dan illum huwa jum sinifikanti għax ifakkar il-ġurnata ta’ ħames snin ilu li fiha l-Maltin iddeċidew jaqilbu l-folja u għażlu lill-Gvern Laburista biex imexxihom. Fisser li din l-attività politika saret f’Għawdex għax fi kliemu din il-gżira tibqa’ simbolu ta’ dak li Muscat sejjaħ għatx tal-bidla.
Ritratt: PL