“Se nħabrek biex nitgħallem inħobb u nibni pont mal-Korea t’Isfel” – Mons. Xuereb

Monsinjur Alfred Xuereb, li nħatar bħala Nunzju għall-Korea t’Isfel mill-Papa Franġisku, qal li se jagħmel l-almu tiegħu biex l-ewwel u fuq kollox isir iħobb lin-nies f’dal-pajjiż, sabiex ikun jista’ jservihom bl-aħjar mod u jaqdi l-missjoni fdata lilu.
Waqt il-programm Follow-Up fuq RTK, immexxi minn Sylvana Debono, Mons. Xuereb kien mistoqsi kif qed jipprepara ruħu għal dil-ħatra, u l-aktar għax dan il-pajjiż għandu kultura differenti u l-Kristjani qegħdin fil-minoranza.
Meta rrimarka li mhux biss se jkun in-Nunzju tal-Korea t’Isfel, iżda anki tal-Mongolja kif jiġri lil kull nunzju tal-Korea t’Isfel, Mons. Xuereb qal li hu jemmen li x-xogħol pastorali li wettaq fil-passat għal 7 snin f’żewġ parroċċi fl-Italja se jservuh u jiggwidawh. Irrimarka li dawn għallmuh kif ikun qassis.
Dan jikkuntrasta wkoll mal-irwoli oħra li n-Nunzju kellu fil-burokrazija u l-uffiċċji tas-Santa Sede, u meta kien mistoqsi għadux jiftakar il-parti saċerdotali ta’ ħajtu wieġeb li iva, u li se jistinka biex jibni l-pontijiet bejn il-Vatikan u l-Knisja Kattolika fil-Korea t’Isfel u l-Mongolja.
Temm jgħid li fl-aħħar mill-aħħar, anki jekk kulturalment u lingwistikament dawn il-pajjiżi huma mbiegħda minn dak li qatt esperjenza, xorta hemm il-fidi li hi komuni, u din Mons. Xuereb iqisha bġala fattur kruċjali, xebh kbir.