“Se nħabbru miżuri oħra għan-negozji fil-jiem li ġejjin” – Schembri

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li fil-jiem li ġejjin se jitħabbru sett ta’ miżuri biex jgħinu lin-negozji li qed jerġgħu jiftħu wara li ttaffew sett ta’ miżuri oħra li ġew implimentati minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt f’konferenza tal-aħbarijiet wara żjara fil-kumpanija Baxter, il-Ministru Schembri saħaq li l-uniku messaġġ li jista’ jagħti bħalissa hu li l-għajnuna li se jagħti l-Gvern se tkun b’saħħitha u mhux biss se ssalva l-impjiegi imma se tistimula wkoll in-negozju fejn jidħlu l-provvisti.  Madanakollu ma kkjarifikax x’se tkun eżatt din l-għajnuna.

Il-Ministru enfasizza li l-iskema tas-suppliment tal-paga se tibqa’ attiva u l-ħlas se jibqa’ jingħata b’mod sħiħ sa Ġunju. Qal li mbagħad issir evalwazzjoni u jekk ikun hemm bżonn dan ikompli jingħata għal aktar żmien.

“Il-ħajja sabiħa wisq biex nibqgħu maqfulin f’gaġġa”

Il-Ministru sostna li l-ħajja hija sabiħa wisq biex il-pubbliku jibqa’ maqful f’gaġġa. Qal li l-Gvern se jibqa’ jagħti l-messaġġ li wasal iż-żmien biex il-pajjiż jibda jirritorna lejn in-normalità. Stqarr li wieħed irid jaħseb lil hinn mill-coronavirus u li l-ħajja ma tistax iddur biss madwar din l-imxija. Sostna li jekk il-virus se jibqa’ fit-tul, mela l-bniedem irid jadatta u jifhem l-affarijiet.

Insista li aktar kemm jgħaddi ż-żmien aktar qed jiltaqa’ ma’ nies li qed jgħidu li qed ibatu minn affarijiet oħrajn bħal solitudni u saħħa mentali milli l-coronavirus.

“Baxter se timpjega 100 persuna oħra”

Fiż-żjara lill-kumpanija Baxter fl-okkażjoni tat-30 sena minn bdiet topera f’Malta, il-Ministru ħabbar li din il-kumpanija se tkun qed timpjega 100 persuna oħra. Il-kumpanija tipproduċi prodotti mediċinali li jintużaw kemm f’Malta kif ukoll madwar id-dinja.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru qal li se jkun qed iżur il-kumpaniji lokali sabiex jara li l-ekonomija tal-pajjiż miexja. Sostna li jifhem li minkejja li bdew jinfetħu ċertu negozji, ma jfissirx li mill-għada li wieħed se jiftaħ għall-bejgħ se jerġa’ jmur lura għal kif kien qabel il-coronavirus. Sostna li jifhem li minħabba ċertu restrizzjonijiet, il-produzzjoni u s-servizz provdut se jkun inqas.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn