“Se ngħinu 500 persuna oħra jmorru lura pajjiżhom” – Evarist Bartolo

Read in English.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo qal li fil-jiem li ġejjin, il-Gvern se jkun qed jgħin madwar 500 persuna jmorru lura pajjiżhom. Spjega li dawn ġejjin mill-Kolombja, Spanja, l-Albanija u l-Polonja.

Permezz ta’ post fuq Facebook, il-Ministru spjega li dawn il-persuni tilfu x-xogħol tagħhom minħabba l-coronavirus.

Spjega li s’issa ntbagħtu lura madwar 1,500 persuna li kienu ġejjin mill-Greċja, Franza, it-Turkija, Spanja, ir-Renju Unit, il-Bulgarija, l-Albanija, il-Bosnija, is-Serbja, il-Maċedonja tan-Nord u l-Italja.

Qal li minn pajjizi barra l-Unjoni Ewropea applikaw 3,131 persuna biex imorru lura pajjiżhom u jieħdu 306 itfal tagħhom magħhom. Intant, il-Ministru Bartolo qal li mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hemm 2,269 li applikaw biex imorru lura u magħhom jieħdu 350 tfal tagħhom. Qal li matul Marzu l-Gvern ta l-għajnuna lil 4,200 persuna oħra jmorru lura pajjiżhom.

Hu kompla billi għamel referenza għal kif se tkun l-ekonomija wara l-coronavirus. Qal li qabel il-pajjiż intlaqat mill-pandemija kien hawn tkabbir ekonomiku qawwi u ħolqien kbir ta’ impjiegi. Qal li dan it-tkabbir għin lill-pajjiż jaffaċja l-pandemija aħjar. Qal li kienu jinħolqu 11,000 impjieg fis-sena u minnhom, mal-4,000 biss kienu jimtlew mill-Maltin. Qal li r-raġuni għal dan hija li fil-pajjiż hawn rata baxxa ta’ twelid. Spjega li s-7,000 l-oħra kienu jiġu minn barra.

Irrimarka li fl-aħħar snin, bejn ħaddiema barranin u l-familji tagħhom, kien hawn madwar 100,000 persuna jgħixu f’Malta li wasslet għal kważi 25% żieda fil-popolazzjoni ta’ ftit aktar minn 400,000. Qal li dawn il-barranin kienu ta’ għajnuna sabiex jitkabbar il-ġid u tissaħħaħ il-pensjoni u s-servizzi soċjali u wkoll jitjiebu s-servizzi tas-saħħa, l-edukazzjoni u jkun hawn iżjed kummerċ u flus fl-idejn.

Il-Ministru Bartolo qal li l-aħħar darba li Malta kellha żieda qawwija ta’ residenti fil-pajjiż kien fl-1530 meta ġew il-Kavallieri. Huma kienu żiedu l-popolazzjoni ta’ Malta minn 20,000 għal 25,000.

Bartolo sostna li waħda mill-akbar sfidi li għandha Malta huwa kif titgħallem tgħix flimkien ma’ dawk li huma differenti minnha b’rispett lejn il-Kostituzzjoni u l-liġijiet tagħha.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn