“Se nevalwaw metodi ta’ prekarjat fl-iskejjel” – Ministeru

Read in English.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li se jkun qed jevalwa l-metodi ta’ prekarjat fl-iskejjel fid-dawl ta’ artiklu pubblikat fuq l-ewwel faċċata tal-gazzetta tat-Torċa tal-Ħadd.

Fi stqarrija, il-Ministru Evarist Bartolo qal li se jkun qed jitlob evalwazzjoni ta’ dan ix-xogħol biex jekk hemm xi tip ta’ abbuż dan jitwaqqaf. Tenna li mhux aċċettabbli li ħaddiem jitħaddem bi prattiċi abbużivi, speċjalment jekk ikun hemm diżlivell bejn l-istess ħaddiema fl-istess tip ta’ xogħol ġewwa l-istess post tax-xogħol. Fl-istqarrija ntqal li jekk hemm xi tip ta’ nuqqas, fil-kuntratt jew min-naħa tal-kuntratturi, dan se jiġi evalwat u fejn hemm bżonn jiġi kkoreġut favur il-ħaddiema.

L-istorja ppubblikata fil-gazzetta tgħid li l-mod kif qed jitħaddmu l-cleaners fl-iskejjel u fil-kulleġġi fil-gżejjer Maltin qiegħed joħloq forom ġodda ta’ prekarjat. Ġie spjegat li hekk kif il-Gvern qed jagħmel outsourcing tas-servizz tat-tindif, fis-sajf meta ma jkunx hemm studenti fl-iskejjel il-cleaners jispiċċċaw b’numru ta’ sigħat sostanzjali mnaqqsa drastikament u b’hekk tonqos ukoll il-paga.