“Se nesploraw in-niċċa tad-drones”

Il-Gvern se jesplora niċċa ġdida ta’ attività ekonomika fis-settur tad-Drones.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar dan illejla fil-Parlament waqt id-diskors tiegħu għall-Baġit 2020. Il-Ministru stqarr li Malta għandha l-potenzjal li tattira kumpaniji barranin għal skopijiet ta’ riċerka u esperimentazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi u taħriġ.

Miżuri oħra:

·       Inizjattivi ġodda mill-Borża ta’ Malta biex tippromwovi l-ħruġ ta’ Green Bonds

·       Boroż ta’ studju għall-istudenti li se jkunu qed jistudjaw l-AI

·       Twaqqif ta’ AI Innovation Hub

·       Tnedija ta’ proġetti pilota li jaħdmu bl-AI fis-servizz pubbliku

·       Se joħorġu sejħiet pubbliċi għat-tindif, bi proċess magħruf bħala land mining, sabiex il-miżbla antika tal-Marsa, tinbidel f’żona industrijali ġdida, żona għall-isport, żona ta’ rikreazzjoni u dan mingħajr ma tintmess art verġni.

·       Għotja lil negozji li jħaddmu persuni bi bżonnijiet speċjali.

·       Se jiġu introdotti teknoloġiji moderni li jużaw inqas enerġija u prattiċi mal-istandards Ewropej fil-Biċċerija Pubblika.

·       Għajnuna ġdida biex kumpaniji fl-oqsma tal-Agrikoltura u s-Sajd ikunu iktar innovattivi taħt l-iskema Innovation Aid for SMEs. B’hekk bdiewa u sajjieda jkunu jistgħu jdaħħlu l-ispejjeż ta’ paga ta’ persuni kwalifikati fir-riċerka, żvilupp u innovazzjoni biex jaħdmu fuq attività ġdida fl-intrapriżi tagħhom.