Awdjo: Se nagħżel l-aħmar, l-isfar u l-blu għall-Malta Eurovision – Ben Camille

Mistoqsi dwar liema kuluri jagħżel biex jesprimi kif qed iħossu ftit sigħat qabel jitla’ fuq il-palk jippreżenta l-akbar festival mużikali f’Malta, il-preżentatur Ben Camille stqarr li jagħżel l-aħmar, l-isfar u l-blu.
F’ intervista esklussiva ma’ Newsbook.com.mt l-attur u l-mudell ta’ 27 sena spjega li jagħżel l-aħmar għax demmu se jkun ibaqbaq b’ħafna eċitament.
L-isfar jagħżlu għax ifakkru fil-Papa Franġisku u allura f’ Ġesu li qed iħossu miegħu kontinwament waqt din l-esperjenza.   Kompla jgħid: “Ma nafx kemm-il darba tlabtu s’issa biex jgħinni u se nibqa’ nitolbu sa dik il-ġurnata tal-Festival u anke wara. Għalija Ġesu hu bniedem li nista’ nkellmu kull fejn inkun mhux biss meta jkolli l-bżonn imma anke meta l-affarijiet ikunu sejrin tajjeb”.
Camille kompla jgħid li jagħżel ukoll il-blu li jfakkru fil-kalma u l-liberta bħal meta wieħed iħares lejn is-sema ikħal f’ġurnata bnazzi. Bit-tbissima temm jgħid li l-għada tal-festival jittama li meta jkun fuq il-palk jogħġob lill-poplu Malti u Għawdxi u wara l-festival iħossu f’dan l-istat trankwill u sodisfatt.