“Se nagħmlu pajjiż aħjar jew se nisfaxxawh?” – Evarist Bartolo

Read in English.

Il-Ministru Evarist Bartolo qal li bħalissa ninsabu f’salib it-toroq u staqsa, “se nagħmlu pajjiżna aħjar jew se nisfaxxawh?”

Fil-messaġġ tiegħu tal-lum fuq Facebook, Bartolo sostna li d-dmir ta’ kulħadd huwa li jagħti futur sabiħ lil Malta. Qal li l-futur mhux diskors fl-arja, imma pajjiż tad-demm u l-laħam fejn qed jitwieldu t-tfal u jitrabbew kuljum. Qal li d-dmir huwa li dawn jitilgħu f’pajjiż aħjar li jkunu kburin bih.

Qal li l-pajjiż żgur mhux se jsir aħjar bil-mibgħeda u t-tgħajjir. Qal li suppost l-Insara ta’ vera, kapaċi jobgħodu d-dnub iżda mhux lill-midinbin. Qal li biex wieħed jibni pajjiż aħjar, l-imħabba lejn il-pajjiż u l-poplu trid tkun ikbar mill-mibgħeda lejn xulxin.

Filwaqt li fakkar li fi ftit jiem oħra tibda sena ġdida, il-Ministru Bartolo qal li hemm bżonn li wieħed jibni fuq it-tajjeb u jitgħallem mill-iżbalji.

“Pajjiżna mhux se jsir aħjar waħdu. Għandna bżonn is-sehem ta’ ħafna nies b’fehmiet differenti u minn oqsma differenti tal-ħajja. Nies li jpoġġu l-ġid komuni qabel l-interessi personali tagħhom. Nies li jersqu ‘l quddiem b’ideat, kritika, suġġerimenti u impenn biex nibnu d-dar komuni tagħna li huwa pajjiżna,” irrimarka Bartolo.

Hawn fakkar fl-ewwel poeżija Maltija, il-Kantilena ta’ Caxaro li nkitbet fis-seklu 15. Din il-poeżija qal li twissi l-poplu sabiex ma jibnix fuq it-tafal merħi jekk irid li daru ma taqax.

Qal li popli li tgħallmu minn esperjenzi diffiċli, wara bnew pajjiżhom aħjar, fuq il-blat. Qal li fejn ma tgħallmux ħallew lil pajjiżhom jisfaxxa għax ma ħasbux fit-tul, u għall-ġid tat-tfal u f’liema pajjiż se jitilgħu.