“Se nafdaw lill-pajjiż f’idejn min jigdeb?” – Tonio Fenech

F’konferenza tal-aħbarijiet is-Sibt wara nofsinhar, il-Ministru Fenech qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jwieġeb għaliex ħatar lil Joe Cordina għall-kariga ta’ Amministratur Finanzjarju tal-Partit Laburista. Staqsa jekk Dr Muscat kienx jaf u kif kien jaf lil Cordina. Staqsa jekk Dr Muscat qatt għamilx negozju ma’ Joe Cordina u jekk qattx kellu xi uffiċċju miegħu. Staqsa jekk Dr Muscat, flimkien ma’ Cordina, qattx ta pariri lil nies li riedu jinvestu barra minn Malta.

Huwa qal li l-Partit Laburista gideb kemm-il darba fi spazju ta’ ġimgħa.

Fil-bidu tal-konferenza, Tonio Fenech ippreżenta lill-ġurnalisti dokumenti pubbliċi tal-kumpanija Aikon. Dawn qal li huma iktar minn mitt invoice għall-valur ta’ $8,600,000 u qal li saru frodi għax fi kliemu, dan l-ammont ma ġiex dikjarat kollu mal-MFSA.

Tonio Fenech staqsa jekk il-pajjiż jistax jiġi afdat f’idejn min jigdeb u temm jikkonferma li fetaħ kwerela lil Evarist Bartolo u Dr Chris Cardona.

Dwar il-każ tal-arloġġ, huwa kkwota l-kodiċi ta’ etika tal-Ministri li jistabbilixxi li sakemm rigal ma jkunx ta’ valur sostanzjali, ma jkunx hemm għalfejn li jkun infurmat dwaru l-Prim Ministru.

Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt.