Se jżid il-problema ta’ parkeġġ – il-Kunsill dwar il-proġett propost mill-AUM

L-Erbgħa li għadda l-Kunsill Lokali tal-Isla ltaqa’ u qabel b’mod unanimu li għandha tintbagħat oġġezzjoni lill-Awtorità tal-Ippjanar dwar il-proposta li saret mill-Università Amerikana f’Malta għall-bini ta’ parkeġġ fi Triq 31 ta’ Marzu fl-Isla u dormitorju fil-parkeġġ li jinsab fi Triq San Pawl Bormla.

Fl-ittra lill-Aworità tal-Ippjanar huma spjegaw li l-Kunsill mhux kontra l-iżvilupp propost madankollu dan il-bini se jkompli jżid mal-problema ta’ parkeġġ li r-residenti Sengleani diġà jaffaċċjaw ta’ kuljum.

Il-Kunsill għamlu diversi kundizzjonijiet li għandhom jiġu milqugħa kollha sabiex min-naħa tagħhom ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni għal dan il-proġett.

Huma qalu li r-residenti Segleani għandhom jingħataw ammont ta’ spazji ta’ parkeġġ b’xejn u dawn għandhom ikunu riservati strettament għar-residenti. Komplew li fil-parkeġġ għandu jkun hemm sistema ta’ sigurtà il-ħin kollu kif ukoll għandu jinżamm u jitnaddaf spiss.

Il-Kunsill insista li r-residenti tal-Isla għandu jkollhom aċċess li jkunu jistgħu jimxu max-xatt tal-Isla u Bormla. Żiedu li 50% tal-parkeġġ biss għandu jkun riservat għall-ħaddiema tal-Università Amerikana. Ikkonkludew li jekk ikun hemm proposta li jiżdied il-parkeġġ, dan għandu jinkludi żieda fil-parkeġġ għar-residenti pro rata.

Din l-ittra ġiet iffirmata mis-Sindku tal-Isla Clive Pulis u mis-Segretarja tal-Eżekuttiv Graziella Gellel.