Se jtawwal minn ġimgħa għal ħames snin il-Qorti

Minħabba l-attitudni ineffiċjenti tad-Dipartiment tad-Dwana, każ il-Qorti se jispiċċa jkarkar għal ħames snin minflok ġimgħa.
Il-Maġistrat Francesco Depasquale qal dan fil-Qorti llum hekk kif għadda l-file ta’ każ lill-Qorti Kriminali.
Il-każ jitratta l-konfiska ta’ ftit iktar minn 12,000 sigarett u 170 kilogramma tabakk tax-shisha li nqabdu abbord vapur Libjan li daħal Malta minn Tripli nhar il-Ħadd li għadda.
Il-Maġistrat qal li l-każ kellu jkun magħluq għax iż-żewġ partijiet kienu qablu li ssir stima indipendenti tal-valur tal-oġġetti kkonfiskati u jitħallsu t-taxxi dovuti, imma issa l-uffiċjali tad-Dwana nsistew li jħaddmu liġi antika li tippermettihom jagħmlu valutazzjoni huma.
Il-Maġistrat widdeb lid-dipartiment u saħaq li l-każ qed jiġi ttardjat u se jintefqu iktar flus tal-poplu mhux tort tal-Qorti imma minħabba l-atteġġjament tad-dipartiment.