Se jsir studju dwar cable tal-fibre optic bejn iż-żewġ gżejjer

Waqt il-laqgħa tal-Kabinett f’Għawdex, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li mistenni jsir studju dwar jekk jistax isir cable tal-fibre optic bejn iż-żewġ gżejjer.
Il-Malta Enterprise ngħatat €250,000 fondi tal-Unjoni Ewropea biex tkun tista’ tmexxi r-riċerka.
Dan biex bħal ma kien ħabbar il-Ministru Anton Refalo f’Marzu li għadda, kumpaniji bħall-RS2 Software, li se tinvesti mal-€1 miljun biex tiftaħ fergħa ġdida f’Għawdex, tkun tista’ taħdem mingħajr xkiel.
Waqt il-laqgħa tal-Kabinett, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar it-turiżmu lejn Għawdex u fost l-oħrajn semma t-turiżmu mediku  bit-tir li tinfetaħ skola tal-mediċina f’Għawdex.
Dwar l-edukazzjoni l-Gvern qal li se jipprova jgħaqqad iż-żewġ fergħat tal-MCAST u jqajjem fuq saqajh l-Istitut tal-Istudji Turistiċi fil-gżira Għawdxija.
Mill-bidu tal-leġiżlatura sa issa, din kienet it-tielet laqgħa tal-Kabinett li qed issir f’lokalitajiet differenti biex il-Gvern ikun aktar qrib iċ-ċittadini.  Il-laqgħat ta’ qabel saru fil-Mellieħa u f’Marsaxlokk.