Se jsir restawr u konservazzjoni ta’ 10 proġetti tal-Arċidjoċesi

knisja.mt

L-Arċidjoċesi ta’ Malta se tidħol għal xogħol ta’ restawr u konservazzjoni ta’ 10 proġetti addizzjonali mas-17-il proġett li diġà tħabbru s-sena li għaddiet, b’investiment totali ta’ madwar €4 miljun b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-proġetti jinkludu r-restawr strutturali tal-knejjes kif ukoll il-konservazzjoni ta’ diversi opri tal-arti, fosthom żewġ pitturi ta’ Francesco Zahra.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ filgħaxija quddiem il-knisja parrokkjali tal-Qrendi, li ġiet indirizzata mis-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross, u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.

F’isem il-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Pace Ross qal li l-investiment f’dawn l-10 proġetti li se jkompli jsaħħaħ il-ħarsien tal-wirt kulturali jammonta għal madwar €1.5 miljun. Flimkien ma’ dawn il-proġetti fi tmien parroċċi, se tiġi rrestawrata wkoll il-faċċata tal-Palazz tal-Arċisqof fil-Belt Valletta li fuq xewqa tal-Arċisqof Charles Scicluna f’diversi okkażjonijiet qed jiftaħ il-bibien tiegħu biex il-pubbliku jkun jista’ japprezza l-patrimonju reliġjuż u l-identità li ssawwar il-poplu Malti.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-knejjes Maltin u Għawdxin dejjem kellhom valur imprezzabbli hekk kif jifformaw parti mill-patrimonju kulturali ta’ Malta. Stqarr li xogħlijiet ta’ restawr bħalma se jsiru fuq il-faċċata tal-knisja tal-Qrendi se jkunu qed isebbħu mhux biss il-knisja nnifisha imma anki l-qalba tal-lokalità. Zrinzo Azzopardi spjega li proġetti bħal dawn se jkunu qed isaħħu l-prodott turistiku hekk kif se jesponu r-rikkezza tal-wirt storiku kulturali Malti, filwaqt li jvarjaw l-attrazzjonijiet turistiċi għal diversi lokalitajiet. Is-Segretarju Parlamentari saħaq li permezz ta’ fondi Ewropej, l-investiment fis-settur turistiku, speċjalment f’dan iż-żmien, jitqies bħala essenzjali biex mhux biss inqajmu l-ekonomija fuq saqajha iżda nsaħħuha wkoll.

Il-parroċċi li qed jibbenefikaw mill-Fond Ewropew taħt il-Programm Operazzjonali I (2014-2020) huma: Ħaż-Żebbuġ, il-Belt Valletta (San Pawl), il-Furjana, il-Ħamrun (San Gejtanu), il-Qrendi, l-Imsida, l-Isla u Tas-Sliema (San Girgor).