Se jqumu l-irwiefen?

Minkejja li bħalissa l-gżejjer Maltin qed igwadu ġranet xemxin u bosta huma dawk li diġa qed iwarrbu l-kowtijiet u joħorġu l-flokkijiet tan-nofs komma, fil-jumejn li ġejjin, propju minn għada mistenni jqum ħafna riħ.
Skont il-paġna ta’ Facebook it-Temp Madwarna, ir-riħ se jkun ġej mill-Alġerija u mistenni jilħaq il-qawwa ta’ riefnu, jiġifieri jitla’ għal forza 8 mill-Punent il-Lbiċ. 
Iżda dak mhux kollox, miegħu se jkun qed ikaxkar ramel mid-Deżert Saħara li se jibdel kulur is-sema għal oranġjo. Dan ifisser li l-maltempati iżolati li hemm jistennew, lill-gżejjer Maltin se jġibu magħhom xita tal-ħamrija.
Mewġ għoli mistenni jaħkem il-kosta tal-Punent t’Għawdex, partikolarment fix-Xlendi. Skont It-Temp Madwarna l-vapur mistenni jopera minn wara Kemmuna.