Se jkun pubblikat djarju sigriet ta’ tfajla Pollakka li qatluha n-Nażi

Ritratt: Bellcack family Archieves

Id-djarju sigriet ta’ Renia Spiegel, żagħżugħa Pollakka li nqatlet min-Nażi fl-1942, se jkun pubblikat wara 70 sena li kien ilu maqful f’bank.

Il-familja ta’ Renia Spiegel se tippubblikah taħt l-isem ta’ Id-Djarju ta’ Renia: Il-Ħajja ta’ Tfajla taħt id-Dell tal-Olokawst. Oħtha Elizabeth qalet li ma felħitx taqrah kollu għax il-ħin kollu tibki. Din il-mara tiftakar lil oħtha bħala tifla kwieta ħafna li l-ħin kollu taħseb. Meta tkellmet mal-BBC dwar oħtha qalet li għaliha Renia kienet qisha ommha.

“Oħti kienet intelliġenti ħafna,” qalet. “Kienet tkun dejjem l-ewwel fil-klassi u kellha qalbha tajba ħafna ħafna. Xtaqet li ssir poetessa.”

Ritratt: Bellcack family Archieves

Fil-kitba ta’ Renia, waqt li rrakkuntat stejjer tal-waħx li saru min-Nażi, tikteb dwar l-imħabba li kellha lejn iż-żagħżugħ Zygmunt Schwarzer u ssemmi l-ewwel bewsa tagħhom qabel is-suldati ta’ Hitler waslu f’belthom u ħajjithom inbidlet ta’ taħt fuq.

Renia ġiet fuċillata f’Lulju tal-1942 fl-età ta’ 18-il sena mis-suldati Ġermaniżi wara li nqabdet moħbija f’dar wara li ħarbet mill-ghetto minn fejn suppost ma kellhiex toħroġ.

Renia )Lemin), u Elizabeth. Ritratt: Bellcack family Archieves

Zygmunt sab id-djaru wara l-gwerra wara li kien ittieħed Auschwich imma ma mietx hemm u nħeles mit-truppi Russi. Ftit tas-snin wara laħaq tabib u meta mar l-Istati Uniti għadda d-djarju lil Elizabeth u lil ommha Roża fejn sabhom fi New York. Dawn poġġewh f’safe ta’ bank u qatt ma qrawh. Imma t-tifla ta’ Elizabeth, Alexandra, riedet tkun taf dwar zijitha u qalbitu għall-Ingliż fl-2012.

Hekk, wara d-djarju ta’ Anne Frank, li wkoll inħbiet mis-suldati Ġermaniżi u  mietet fil-kamp tal-konċentrament ta’ Bergen-Belsen fl-1945 issa tfaċċat verżjoni oħra Pollakka.