“Se jkun hemm liġi differenti għaċ-ċens tal-Gvern u dak privat” – PN

Il-kelliem għall-Ippjanar tal-Partit Nazzjonalista, Ryan Callus, sostna li bl-Abbozz ta’ Liġi dwar Artijiet tal-Gvern li qed jipproponi l-Gvern, se tinħoloq sitwazzjoni fejn ikun hemm distinzjoni bejn iċ-ċens tal-Gvern u ċ-ċens privat, a skapitu ta’ sid iċ-ċens privat.
Waqt it-tieni qari ta’ dan l-Abbozz, Ryan Callus sostna li hemm diversi klawsoli fl-abbozz li l-Oppożizzjoni ma taqbilx magħhom.
Beda billi semma’ kif l-Oppożizzjoni m’aċċettatx li tkun fuq il-Bord tal-Governaturi proposta fl-abbozz għax il-bord mhux wieħed indipendenti, minħabba li tmiena mid-disa membri tal-bord huma magħżula mill-Gvern. Qal li l-PN ippropona li t-tliet esperti, jiġifieri l-avukat, il-perit u l-accountant ikon magħżula b’mod indipendenti mill-Kamra tal-Avukati, mill-Kamra tal-Periti u mill-Institut tal-Accountants rispettivament, minflok mis-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Deborah Schembri.
Saqsa x’fiha ħażin din il-proposta u qal li l-Gvern m’aċċettahiex għax irid il-kontroll totali, filwaqt li saħaq li l-Oppożizzjoni mhix lesta torqod mal-Gvern biex il-Gvern jagħmel l-iskandli u l-Oppożizzjoni kompletament ma jkolliex saħħa fil-bord, għax il-bqija tal-membri jkunu eletti mill-Gvern.
Punt ieħor li qajjem il-kelliem Ryan Callus hu dak li għandu x’jaqsam mal-poter ta’ żgumbrament fl-abbozz tal-liġi. Sostna li l-abbozz qed jipproponi li l-liġi ta’ żgumbrament jiġi estiż ukoll għal min għandu titlu ta’ ċens.
Spjega kif is-sistema preżenti hi li min jikser il-kundizzjonijiet taċ-ċens jitressaq il-Qorti, u l-Qorti tipproċedi sabiex dak iċ-ċens jinħall skont il-bżonn. Qal li fis-sistema preżenti, il-Qorti tiddetermina individwu kisirs iċ-ċens jew le, u mhux chairperson appuntat mid-dipartiment tal-artijiet, li jista’ jkollu skopijiet ulterjuri.
Ryan Callus gal ukoll li dan l-abbozz se joħloq sitwazzjoni bejn se jkun hemm żewġ realtajiet, dik ta’ min għandu ċens mill-Gvern u min għandu ċens mill-privat. Qal li filwaqt li fil-każ ta’ ċens tal-Gvern is-sitwazzjoni se tinbidel skont l-abbozz tal-liġi u jista’ jitlef l-art immedjatament, fil-każ ta’ ċens privat, is-sid taċ-ċens irid imur il-Qorti. Il-kelliem tal-PN qal li l-liġi tagħti “the easy way out” lill-Gvern, filwaqt li ċ-ċittadin privat irid joqgħod jiftaħ kawża hu biex jiddefendi dak li bi dritt hu tiegħu.
Sostna li dan l-abbozz jipproponi li l-bord tal-ippjanar se tkun il-prosekutur, l-imħallef u l-ġudikatur fl-istess ħin.