Se jkompli r-random swabbing għall-COVID-19 fid-djar tal-anzjani

Matul is-sajf se jibqa’ jsir ir-random swabbing għal COVID-19 fid-djar tal-anzjani minn żmien għal żmien. Dawn it-testijiet se jibqgħu jsiru lir-residenti kif ukoll lill-ħaddiema. Fl-Isptar Mater Dei se jibqa’ jsir it-test lil kull pazjent li jidħol u jkun se jinżamm.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li kull min jixtieq jagħmel l-iswab test anke jekk m’għandux sintomi tal-coronavirus jista’ jagħmel dan f’wieħed mill-hubs f’Malta u Għawdex.

Appella biex kull min għandu xi sintomi jċempel 111 biex jagħmel dan it-test. Il-Ministru qal li d-Dipartiment tas-Saħħa qiegħed jappella biex kull min għandu kuntatt ma’ numru kbir ta’ nies fuq bażi regolari jagħmel it-test minn żmien għal żmien anke jekk ma jkollux sintomi.

Id-Deputat Prim Ministru qal dan fil-Parlament wara li kien qiegħed iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg dwar jekk hux se jibqa’ jagħmel random swabbing matul is-sajf biex ikollu iktar preżenza ċara tal-COVID-19 fil-Gżejjer Maltin. Hija staqsiet ukoll x’inhu l-pjan dwar dan.