Se jkollu jmur għal intervent fir-Renju Unit minħabba ħġieġa fir-retina

Ryan Magro, li spiċċa attakkat u ferut minn żagħżugħ Serb se jkollu jmur għal intervent mediku fir-Renju Unit biex jipprova jsalva l-vista ta’ għajnejh ix-xellugija.
Dan wara li t-tobba sabulu ħġieġa mdaqqsa fir-retina u saritlu operazzjoni.
Magro spiċċa f’din il-qagħda wara li Serb kien faqalu tazza tal-ħġieġ f’wiċċu.
Il-każ seħħ bejn is-Sibt l-1 u l-Ħadd 2 t’April fil-ħanut tax-xorb tal-familja ta’ Magro fi Triq it-Turisti, fil-Qawra.
Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, Magro spjega li kien xogħol bħala barman, meta  marru fuqu tliet klijenti u qalulu li hemm persuna ddejjaqhom.
Qal li ħabib ta’ missieru, talab lill-ħabib tal-akkużat biex jitlaq ’il barra.
Spjega li waqt li kien ħiereġ beda jinsultah stupidu u dlonk ħareġ l-akkużat minn ġewwa.
Żied jgħid li hu resaqlu biex jgħaddi iżda s-Serb qabad u faqa’ t-tazza f’wiċċu.
Xehed ukoll missier il-vittma fejn spjega li xħin faqalu t-tazza f’wiċċu mar jiġri wara l-akkużat, iżda ma laħqux. Qal li kienet għaddejja karozza tal-pulizija u rikeb magħhom iżda s-Serb baqa’ ma nstabx.
Hekk kif kompliet tinstema’ aktar xhieda, il-Maġistrat Joe Mifsud qal li hemm biżżejjed provi biex jitqiegħed taħt att ta’ akkuża.
Minkejja li ntalab il-ħelsien mill-arrest, il-Maġistrat Mifsud qal li wara li l-Qorti qieset iċ-ċirkostanzi, minħabba l-akkużi serji, kif ukoll għas-sigurtà tal-vittma u l-familjari tiegħu u s-soċjetà, il-Qorti tiċħad it-talba.