Se jkollu jħallas lill-bank u lil tal-ħanut wara li uża kard mhux tiegħu

Michael Rizzo ta’ 34 sena tpoġġa taħt probation ta’ 3 snin u ġie ordnat mill-Qorti jħallas lura l-ispejjeż lil bank kif ukoll lil ġojjellier wara li nstab ħati li uża kard bankarja mhux irreġistrata fuq ismu.
Ir-raġel, li joqgħod il-Fgura, kien ġie akkużat li f’April ta’ sitt snin ilu xtara b’€1,400 deheb u televixin jiswa €540 b’kard bankarja li ma kinitx tiegħu.
Fil-Qorti nstema’ kif Clinton Borg, li fuqu kienet irreġistrata l-kard, kien talab lill-bank tiegħu jibgħatlu kard ġdida minħabba li dik li kellu ma kinitx għadha taħdem sew.
Minkejja li l-bank bagħatlu kard u pin ġdid, Borg kien ġibed l-attenzjoni li qatt ma rċieva dawn id-dokumenti, u katar tard irrapporta li xi ħadd kien qed jużahom minfloku.
Filmati mill-kameras urew li din il-persuna kienet Rizzo.
Borg qal lill-Qorti li l-bank tiegħu tah lura l-flus kollha li kien tilef.
Il-maġistrat ikkunsidra l-fatt li Rizzo għaddej minn trattament sabiex jegħleb l-isfida tad-droga, u għalhekk tatu s-sentenza msemmija.