“Se jkollna aktar problemi ‘l quddiem minħabba ż-żieda fil-units” – Sindku tal-Gżira

Read in English.

Il-Gżira mistennija tara żieda fil-problemi fis-sistemi tad-drenaġġ minħabba ż-żieda mgħaġġla ta’ units fir-raħal. Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt, is-Sindku tal-Gżira Conrad Borg-Manchè.

Hu kien qed jitkellem dwar każ partikolari ta’ żbroff ta’ drenaġġ fil-Gżira li seħħ fit-12 ta’ Settembru fejn it-triq ta’ max-xatt tal-Gżira spiċċat temporanjament mgħarrqa fid-drenaġġ. Is-sindku spjega li meta jsiru jafu bi problemi fid-drenaġġ, il-Kunsill immedjatament ikellem lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Dan sabiex isiru t-tiswijiet neċessarji.

Aqra: Drenaġġ fil-Gżira: “Qed naħdmu biex jitneħħa s-sadd”

Spjega li żbroffi tat-tip ma jsirux ta’ spiss. Madanakollu sostna li minħabba ż-żieda fil-units residenzjali u l-popolazzjoni fil-Gżira qed jipprevedi li se jkun hemm aktar problemi ‘l quddiem li se jkun hemm bżonn jiġu indirizzati.

Statistika li kienet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern spjegat li l-popolazzjoni Maltija żdiedet bi 18.2%. Dan ifisser żieda ta’ 76,127 persuna meta kkumparat maċ-ċensiment tal-2011.