Se jiżdiedu l-park rangers fl-Aħrax tal-Mellieħa

Read in English.

Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia ħabbar li se jkun hemm park rangers ġodda fl-Aħrax tal-Mellieħa bil-għan li jipproteġu s-sit u li jedukaw in-nies fuq kif jistgħu igawduh mingħajr jagħmlu ħsara.

Fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari mid-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, Farrugia qal li r-rekwiżiti jinkludu ‘O’ level f’suġġett tax-xjenza.

L-Aħrax sofra nirien estensivi f’Mejju li għadda, li jidhru li bdew b’mod aċċidentali minn fossa tan-nar li għamlu tlett persuni li kkampjaw fis-sit. It-tlett persuni tressqu l-qorti b’riżultat ta’ dan.

Dak iż-żmien, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li l-Gvern kien se jadotta proposta tal-Oppożizzjoni biex ikun hemm numru ta’ park rangers fl-imsaġar biex jiżdied l-infurzar ta’ liġijiet ambjentali.

F’deċiżjoni kontroversjali kkonfermata aktar kmieni dan ix-xahar, l-Aħrax u l-Miżieb ġew mgħoddija uffiċjalment lill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, bid-dritt li jagħlqu l-aċċess għall-pubbliku waqt żmien il-kaċċa.