Se jiżdiedu l-Maltin li jgħixu fit-toroq – aġenziji tal-propjetà

Archives

Il-Federazzjoni tal-Aġenziji tal-Proprjetà (FEA) qalet li n-numru ta’ Maltin li se jispiċċaw jgħixu fit-toroq se jiżdied. Dan ġie spjegat f’reazzjoni għal storja li dehret fil-midja tal-Istat dwar battibekk bejn mara u s-Segretarjat Parlamentari għall-Housing.

Il-Federazzjoni spjegat li dan qed iseħħ minħabba li l-prezzijiet tal-proprjetà splodew tant li ħafna ma għandhomx il-mezzi biex jixtru jew jikru post fejn joqgħodu. Waħda mir-raġunijiet li wassal għal dan, skont il-Federazzjoni, hija l-influss qawwi ta’ barranin li waslu Malta fl-aħħar snin u l-fatt li ma tħejja l-ebda pjan biex jindirizza dan l-influss.

Raġuni oħra, skont il-Federazzjoni,  li qed twassal għal din is-sitwazzjoni hija n-nuqqas ta’ rappreżentanza tat-tip ta’ nies li bosta drabi jkunu foqra fuq bordijiet tal-Gvern ikkonċernati biex dawn iwasslu l-messaġġ tagħhom u li dawn il-bordijiet ġew infiltrati minn persuni li mhux fl-interess tagħhom li jissalvagwardjaw l-interessi tal-fqar.

L-istqarrija żiedet tgħid li mhux aċċettabbli li persuni vulnerabbli jkunu trattati b’dan il-mod fuq ix-xandir tal-Istat.

Intant, f’reazzjoni, l-għaqda Żminijietna – Leħen ix-Xellug, qalet li f’din is-sitwazzjoni, il-Gvern għandu jżid il-benefiċċji soċjali, l-akkomodazzjoni soċjali, aktar mediċini b’xejn u żieda fil-paga minima statutorja. L-għaqda qalet li familji bi dħul baxx ftit li xejn qed jibbenefikaw mit-tkabbir fl-ekonomija.