Se jiżdiedu l-faċilitajiet għas-sajjieda fil-Port tal-Imġarr

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret li se jkunu qed jibdew xogħlijiet bil-għan li jgħinu s-sajjieda Għawdxin fil-Port tal-Imġarr.
Fost affarijiet oħra, se jkun qed isir tindif ta’ qiegħ il-baħar, xogħlijiet fuq il-moll u fiż-żewġ slipways, bdil tal-puntumi l-qodma u ħolqien ta’ postijiet għal irmiġġi ġodda.
Il-Ministru spjegat li t-tindif ta’ qiegħ i-baħar se jgħin il-perkors li jieħu l-ilma mill-wied sal-Port u anke lis-sajjieda biex jimmanuvraw aħjar id-dgħajjes tagħhom.
L-islipways se jsiru aktar aċċessibbli u se jgħinu lis-sajjieda waqt li jkunu qed ivaraw jew jiġbdu d-dgħajjes tagħhom.
Dwar ix-xogħol fuq il-puntuni, il-Ministru qalet li minn kemm ilhom installati, il-faċilitajiet tal-irmiġġ qatt ma nbiddlu.
Mal-bdil tal-puntuni se jiżdiedu wkoll l-ispazji tal-irmiġġi għas-sajjieda Għawdxin.
Preżentament hemm allokati 197 post u issa se jitilgħu għal 254.
Il-proġett se jkun qed isir bl-għajnuna ta’ Transport Malta.

Ritratt: MGOZ – George Scerri