Se jiżdiedu d-defiċit u d-dejn pubbliku

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li d-defiċit se jiżdied b’mod drastiku hekk kif huwa previst li għal din is-sena d-defiċit ikun ta’ madwar €1.18 biljun – 9.4% tal-prodott gross domestiku – filwaqt li s-sena d-dieħla jkun ta’ 5.9%. Ġie spjegat li dan seħħ bħal ħafna pajjiżi fl-Unjoni Ewropea fosthom l-Italja, Franza, Spanja u r-Renju Unit.

Waqt li kien qed jaqra d-diskors tal-baġit fil-Parlament, il-Ministru qal li Malta fadlilha fejn ekonomikament tista’ tiċċaqlaq. Qal li fit-tbassir tal-Gvern għall-ekonomija, is-sena d-dieħla b’mod reali se tikber b’5% u b’mod nominali 6.4%.

Għal din is-sena l-ekonomija mistennija tiċkien b’7.4%.

Stqarr li l-pajjiżi Ewropej, biex ikampaw mal-mewġa ta’ dejn akkumulat, bilfors se jkollhom idaħħlu taxxi ġodda. Spjega li dan jaf iwassal biex l-investiment barrani jiġi attirat lejn Malta u se jkun għalhekk li fil-baġit, il-Gvern mhux se jdaħħal taxxi ġodda.

Fil-baġit tal-2020, kien previst li din is-sena se jkun reġistrat surplus ta’ 1.4%, qabel ma l-imxija tal-Covid-19 kellha l-impatt tagħha fuq l-ekonomija.

L-ispiża tal-Gvern titrippla

L-ispiża tal-baġit triplat hekk kif is-soltu jingħata €30 jew €35 miljun iżda għas-sena d-dieħla l-Gvern se jżid l-ispża tiegħu għal €100 miljun. F’din is-somma mhux qed tiġi inkluża l-Wage Supplement.

Il-Ministru Scicluna beda d-diskors tiegħu billi għamel aċċenn għal min qal li kien jistaqsi għas-surplus. Qal li l-Gvern f’dawn l-aħħar xhur wera bil-provi fejn hu s-surplus għaliex nieda pakkett finanzjarju, wieħed wara l-ieħor, li fihom ta spinta bla preċedent lill-ekonomija.

Tista’ ssegwi l-baġit LIVE hawnhekk:

Tista’ ssegwi l-baġit LIVE hawnhekk:
BAĠIT 2021: Id-diskors LIVE mill-Parlament