Se jiżdied id-diżinfettar fuq il-vapuri tal-Gozo Channel

Mhux esklużi miżuri restrittivi għall-ivjaġġar lejn Għawdex

Minn din il-ġimgħa, il-kumpanija Gozo Channel se tkun qed iżżid il-frekwenza tad-diżinfettar tal-vapuri. Id-diżinfettar se jiżdied għal-livelli li kien waqt ix-xhur tal-bidu tal-pandemija.

Ikkonferma dan iċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina li ma’ Newsbook.com.mt stqarr li fejn hu possibbli d-diżinfettar tal-vapuri jsir kuljum.

Ġimgħa u nofs ilu, Newsbook.com.mt żvela kif id-diżinfettar fuq il-vapuri kien beda’ jsir darba fil-ġimgħa biss meta fix-xhur ta’ Marzu u April dan kien isir kuljum.

Il-Gvern ilbieraħ ħabbar għadd ta’ miżuri ġodda biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-Covid-19 f’Malta hekk kif fl-aħħar tliet ijiem instabu total ta’ 204 każi ġodda, bit-total ta’ każijiet attivi llum jitla’ għal 607 każi.

Minkejja li għadu ma hemmx restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar intern bejn Malta u Għawdex, il-Gvern ħabbar li se tiġi ppubblikata lista ta’ pajjiżi li minnhom il-passiġġieri jridu jippreżentaw Swab Test li jkun sar fit-72 siegħa ta’ qabel. Restrizzjonijiet oħra se jaffettwaw ġemgħat ta’ aktar minn 15-il persuna u l-bars u discos li se jingħalqu minn għada l-Erbgħa.

F’intervista li xxandret fuq Newsbook.com.mt, Dr Tanya Melillo, konsultent mediku għas-saħħa pubblika qalet li f’Għawdex hemm każijiet attivi ta’ Covid-19 iżda mhux daqs Malta. Hija spjegat li f’Għawdex ma sarux attivitajiet tal-massa allura l-livell ta’ każijiet mhux għoli daqs dak f’Malta.

Il-konsulent qalet li ma tarax problemi b’familji li jiġu Għawdex iżda rrimarkat li l-agħar huwa meta gruppi kbar ta’ ħbieb ġejjin minn familji differenti jmorru Għawdex flimkien.

Ta’ sikwit fuq il-vapuri qed jidhru uffiċjali tal-infurzar tal-liġi li qed ikunu awtorizzati li jagħtu multi ta’ €100 lill-persuni li ma jkunux lebsin maskra jew vizor.