Se jitwaqqaf Tribunal ġdid biex jindirizza l-prekarjat

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar li fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jkun qed iwaqqaf Tribunal ġdid biex jindirizza x-xogħol prekarju.
Huwa qal dan waqt li kien qed jindirizza seminar dwar Direttiva li tirregola l-proċess tax-Xiri Pubbliku jew inkella l-Public Procurement.
Qal li b’hekk il-Gvern ikun qed iwettaq wiegħda elettorali oħra fejn permezz ta’ Avviż Legali se jibda jkun hemm sanzjonijiet kummerċjali kontra kumpaniji li jimpjegaw ħaddiema b’kundizzjonijiet prekarji.
L-istess Avviż Legali, spjega l-Ministru Scicluna, se jkun qed iwaqqaf Tribunal għas-Sanzjonijiet Kummerċjali li se jkollu l-poter li joħloq lista ta’ kumpaniji li jkunu blacklisted.
Dawn il-kumpaniji ma jkunux jistgħu jieħdu sehem fl-ebda proċess ta’ xiri mill-Gvern.
Żied jgħid li ‘l quddiem dawn is-sanzjonijiet se jiġu estiżi biex jinkludu wkoll ħasil ta’ flus u attivitajiet illegali oħra li jistgħu isiru minn kumpaniji.
Tkellem dwar il-mira tal-Gvern li qal irid ikompli jsaħħaħ il-proċess ta’ xiri pubbliku fl-oqsma ambjentali, soċjali u tal-impjiegi.
Semma li l-Gvern jonfoq mal-500 miljun ewro fis-sena f’xiri ta’ affarijiet intermedji.
Il-Ministru Edward Scicluna sostna li l-Gvern irid ikun ta’ eżempju anka fejn jidħlu ‘green standards’ li permezz tagħhom jintgħażlu prodotti u servizzi li jħarsu l-ambjent.