Se jitwaqqaf ċentru tal-lingwi għal studenti migranti

Mistenni jitwaqqaf ċentru tal-lingwi għal studenti migranti bil-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjeta Maltija, kif ukoll biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet edukattivi tagħhom.
Fi stqarrija maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej, tħabbru tliet proġetti ta’ €5 miljun indirizzati lid-Dipartiment tad-Dwana, lill-Ministeru tal-Edukazzjoni kif ukoll  lill-Ministeru tas-Saħħa.
Minbarra l-proġett imsemmi, li se jkun f’idejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni, se jiġu allokati fondi wkoll sabiex jitwaqqaf bini fi ħdan l-Isptar Mater Dei li fih ikunu jistgħu jinżammi migranti b’mard infettiv, u li jkun jeħtieġ li jinżammu f’iżolament għal xi ħin.
Se jiġu allokati wkoll flus sabiex id-Dipartiment tad-Dwana jsaħħaħ it-tagħmir f’dak li għandu x’jaqsam mal-x-ray scanning, utilità importanti ferm fil-ġlieda kontra l-kriminalità li taqbeż il-konfini tal-pajjiż, fosthom it-terroriżmu, il-kuntrabandu ta’ oġġetti illegali u l-ħasil ta’ flus.
75% mill-ispiża msemmija se tiġi ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.