Se jitwaħħlu 25 kameras tas-sigurtà minħabba skart illegali – Farrugia

skart Aħrax tal-Mellieħa

Read in English.

Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia ħabbar li se jkunu qed jitwaħħlu 25 kamera tas-sigurtà oħra biex jikkontrollaw ir-rimi ta’ skart illegali.

Hu qal dawn waqt seduta fil-parlament, meta l-membru tal-Oppożizzjoni Hermann Schiavone staqsieh fejn qegħdin jiġu nstallati kameras tas-sigurtà, f’żoni l-aktar magħrufa li jintrema skart illegali. Il-Ministru Farrugia wieġeb li hemm numru ta’ kameras ta’ sigurta f’postijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-ministeru.

Hu saħaq li hemm 20 kamera fil-Buskett, 8 fil-Park ta’ l-Inwadar, 2 fil-Magħluq ta’ Wied il-Għajn u 6 ġo Kennedy Grove. Huwa qal li hemm pjan biex jiġu mwaħħla 4 oħra fl-Inwadar, 10 oħra f’postijiet rurali u Natura 2000 u 5 f’Marine Protected Areas. L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi għandha wkoll twaħħal 6 kameras oħra f’żoni li huwa magħruf li jintrema skart. Huwa qal li ministeri oħra jistgħu jwaħħlu kameras tas-sigurtà oħra.

Fir-risposta l-Ministru Farrugia ma qal xejn jekk humiex se jitwaħħlu kameras ta’ sigurtà ġewwa Għawdex.

F’Settembru, il-GreenPak COOP wissiet lill-pubbliku li kull min jarmi materjal riċiklabbli ħdejn l-iBiNs u jinqabad jagħmel dan fuq kameras tas-CCTV jeħel multa ta’ €150.