Assassinju Daphne: It-3 akkużati jwieġbu mhux ħatja

Alfred Degiorgio l-Fulu, George Degiorgio ċ-Ċiniż u Vince Muscat, il-Koħħu, wieġbu mhux ħatja għall-akkużi tall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. 
Huma ġew trasportati mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fl-10pm bi skorta ta' pulizija armata, u ddaħħlu l-Qorti mill-bieb ta' wara.
Il-Maġistrat Neville Camilleri li qed jippresiedi l-każ wasal għall-ħabta tal-9.45pm.
It-tliet akkużati qed jiġu mixlija b'omiċidju. George u Alfred Degiorgio għandhom 55 u 53 sena rispettivament. Vincent Muscat għandu 55 sena. 
L-armel tal-vittma, Peter Caruana Galizia kien fl-awla tal-Qorti u ħares fiss lejn l-akkużati hekk kif daħlu fl-awla. Allegatament huwa pprova jieħu ritratt tal-akkużati iżda ġie mwaqqaf mill-Pulizija. Għall-familja Caruana Galizia qed jidhru l-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia. 
Fil-bidu tas-seduta, l-akkużati talbu l-għajnuna ta' avukat, bil-Qorti taħtar legal aid biex tassistihom għal-lejla biss. Il-Maġistrat appunta lill-avukat Benjamin Valencia biex jassistihom.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra. 
Fil-Qorti nstema kif l-akkużati xtaqu jikkontestaw l-arrest tagħom minħabba li allegatament l-mandat tal-arrest ingħatalhom 36 siegħa wara l-arrest propju tagħhom. 
L-Ispettur Keith Arnaud spjega li l-akkużati ġew immanettjati għall-ħabta tat-8:15am ilbieraħ fil-Marsa. Huwa qal li stenna sakemm is-sitwazzjoni kienet taħt kontroll sakemm informa lill-akkużati li huma kienu jinsabu taħt l-arrest minħabba l-omiċidju ta' Daphne Caruana Galizia. Huwa spjega kif Vince Muscat kien arrestat ftit metri 'l bogħod mill-aħwa Degiorgio fil-Marsa.
Madanakollu, il-Qorti qalet li ma tqisx l-oppożizzjoni ppreżentata mid-difiża bħala waħda leġittima.
Il-prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex tissekwestra il-flejjes u l-projetà kollha li jkunu dovuti lill-akkużati. Il-Qorti ntalbet biex tipprojbixxi lill-akkużati lill-akkużati milli jittrasferixxu jew xort'oħra jiddisponu minn xi propjetà. Il-Qorti laqgħet din it-talba. 
Il-Qorti nnutat ukoll li l-akkużati ma għamlux talba għall-libertà proviżorja. 
Fost l-akkużi, l-aħwa Degiorgio u Muscat jinsabu akkużati li organizzaw jew iffinanzjaw għaqda bil-ħsieb li jwettqu reat kriminali u li pparteċipaw b'mod attiv fl-attivitajiet kriminali tal-għaqda. Qed jiġu akkużati wkoll li f'Malta assoċjaw ruħhom ma xi persuna jew persuni Maltin jew barranin bil-għan li jwettqu delitt. Qed jiġu akkużati wkoll li użaw splussiv biex joqtlu lil Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija li ħarġet mill-Pulizija ftit wara t-8.30pm ingħad li s-7 arrestati l-oħra fl-operazzjoni tal-bieraħ se jingħataw il-libertà proviżorja "skont il-liġijiet tal-pajjiż". 
Taw ukoll dettalji dwar l-operazzjoni tal-bieraħ mill-Pulizija u l-Forzi Armati ta' Malta li bdiet fl-4am f'postijiet li kienu qed jiġu osservati fl-aħħar ġimgħat.
Il-Pulizija qalet li l-operazzjoni saret fuq diversi postijiet b’mod simultanju, b’mod partikolari, fil-Marsa, Ħaż-Żebbuġ, San Pawl il-Baħar, l-Imsida u l-Mosta.  Marret anke f’diversi postitjiet oħra fejn saru tfittxijiet estensivi u ġew elevati diversi provi oħrajn li għandhom jgħinu lill-Pulizija fil-każ tagħha.
Il-Korp tal-Pulizija faħħar l-għajnuna tal-FBI, il-Europol u n-National Investigations Bureau tal-Fillandja, "li kollha pprovdew għajnuna importanti ħafna biex il-Pulizija Maltija tasal għall-arresti ta’ persuni b'rabta mal-assassinju ta' DCG.
Fisser kif id-dettalji li nġabru mill-Pulizija se jkunu qed jintużaw fil-fażi tal-provi fil-kumpilazzjoni u li se jsiru pubbliċi f’dik il-fażi.
L-istqarrija tispiċċa b'impenn tal-Pulizija li se tibqa’ ffukatha fuq xogħolha "biex issir ġustizzja f’dan il-każ ukoll". 
Aktar kmieni
Il-ħin li fih mistennija jitressqu l-Qorti, tlieta mill-arrestati fl-investigazzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, baqa' jiġi pospost. L-aħħar ħin li ssemma kien fl-10.30pm. Sorsi infurmati qalu ma' Newsbook.com.mt li dan minħabba talba ta' wieħed mill-akkużati.
Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija llum waranofsinhar qalu ma' Newsbook.com.mt li Alfred Degiorgio l-Fulu, George Degiorgio ċ-Ċiniż u Vince Muscat, il-Koħħu, kellhom jitressqu l-Qorti fis-6pm. 
Fil-fatt, minn ftit wara l-5pm, ġurnalisti u camerapersons inġabru quddiem il-Qorti, fejn iżda ġiet innutata l-assenza ta' crew mill-istazzjon nazzjonali TVM. Fost il-ġurnalisti preżenti quddiem il-Qorti beda jingħad li l-akkużati kellhom jitressqu għall-ħabta tat-8pm biex id-dħul tagħhom fil-Qorti jkun jista' jixxandar dirett fl-aħbarijiet ta' TVM. 
Newsbook.com.mt ikkuntattja lill-Pulizija li la kkonfermaw u lanqas ċaħdu din l-aħbar.  Kelliema għall-Pulizija qalet li t-Taqsima tal-Midja mhix infurmata b'xi ħin fejn se jittellgħu xi nies il-Qorti. 
Sadanittant il-bibien tal-Qorti għadhom magħluqa u lanqas jidher ħjiel tal-Pulizija fl-inħawi. Qed jingħad ukoll li l-akkużati se jiddaħħlu l-Qorti mill-ġenb, bħala miżura ta' sigurtà.
Sorsi infurmati li tkellmu ma' Newsbook.com.mt innutaw dak li sejħu eżerċizzju ta' pubbliċità marbut mal-arresti. Bħala eżempju semmew il-filmat maħruġ mill-Pulizija u mill-Forzi Armati ta' Malta li ta verżjoni editjata professjonalment tar-rejd li wassal għall-arresti. Jidher li f'dan il-filmat, fejn anke dehru l-arrestati b'wiċċhom mgħotti, intużaw mill-inqas kamera fuq il-helmet, kamera mill-ħelikopter u kamera permezz ta' drone. 
Ritratt: Ian Noel Pace