Se jitressaq abbozz ta’ liġi li jibdel il-liġijiet tax-xogħol

Il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari qed jissoktaw b’aktar konferenzi dwar il-miżuri mħabbra mill-Ministru għall-Finanzi għall-Baġit tas-sena d-dieħla.
F’konferenza bit-tema Malta: Inlestu għall-Futur, Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Helena Dalli qalet li wara diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, se jitressaq abbozz ta’ liġi li jibdel il-liġijiet tax-xogħol, biex isiru aktar addattati għar-realitajiet tal-lum. Semmiet ukoll bidliet fil-wage regulation orders biex jirriflettu x-xogħlijiet li jeżistu llum.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonniċi stqarr li fil-baġit għas-sena 2018, ġew allokati €70 miljun għas-settur kulturali u dak kreattiv. Semma kif €8 miljun huma allokati għall-Fondazzjoni Valletta 2018.
Sadanittant, waqt li kien qed jindirizza l-ewwel summit iddedikat għall-innovazzjoni, li ġie organizzat mill-kumpanija NetRefer, is-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali Silvio Schembri spjega kif il-baġit għas-sena d-dieħla alloka €2.2 miljun għar-riċerka u l-innovazzjoni.