Se jitqassam fuljett dwar Covid-19 fid-djar kollha

mask coronavirus
Miguela Xuereb

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mil-lum, id-djar f’Malta u Għawdex se jirċievu fuljett li fih informazzjoni dettaljata dwar COVID-19.

Fi tweet, Fearne spjega li dawn se jkunu qed jitqassmu matul il-jiem li ġejjin. Intant appella lill-pubbliku sabiex jaqra dan il-fuljett u jsegwi l-pariri li hemm fih.

Id-dokument, li huwa ppubblikat mid-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-mard għandu diversi sezzjonijiet fih li jispjega x’inhuma l-coronaviruses, is-sintomi li wieħed iħoss meta jimrad bihom, u dettalji oħrajn bħal per eżempju dwar kif dan jinfirex.

Il-pubbliku se jsib ukoll sezzjoni li turih x’jista’ jagħmel biex jipproteġi lilu nniffsu minn dan il-virus, li s’issa għad m’hawnx kura għalih.

Avviż importanti mid-Direttorat

Intant, id-Direttorat ħareġ avviż għall-pubbliku dwar iċ-ċentru tat-testjar għall-coronavirus. Ġie spjegat li t-testijiet qed isiru biss bl-appuntament, jiġifieri ħadd ma jista’ jaqbad u jmur lejn iċ-ċentru mingħajr ma jkun talab għal appuntament.

Wieħed ma jistax imur lejn iċ-ċentru tal-ittestjar permezz ta’ taxi jew Tal-Linja, iżda jrid jagħmel dan bit-trasport personali tiegħu. Intant xufiera tat-taxis m’għandhomx jaċċettaw li jagħmlu vjaġġi lejn dan iċ-ċentru.

Important Notice!! #testinghub #COVID19 #publichealth1st

Posted by Health Promotion and Disease Prevention Directorate on Friday, March 20, 2020

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn