Se jitneħħew it-tariffi tar-roaming

L-Ewroparlamentari tal-Partit tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi Marlene Mizzi qalet li sa xahrejn oħra, kull min jivvjaġġa fl-Ewropa mhux se jħallas spejjeż żejda meta juża l-mowbajl tiegħu.
Dan hekk kif Marlene Mizzi laqgħet l-aħħar ftehim bejn il-Presidenza Maltija u l-Parlament Ewropew biex jiġu aboliti t-tariffi tar-roaming mill-15 ta’ Ġunju li ġej.
L-Ewroparlamentari qalet li l-ftehim milħuq mill-Parlament Ewropew u l-Presidenza Maltija se jpoġġi prezz massimu li l-fornituri tat-telekomunikazzjoni jistgħu jżommu lil xulxin meta l-konsumaturi tagħhom jużaw il-mowbajl barra minn Malta.
Barra minn hekk, saħqet ukoll li se tinsisti biex it-telefonati internazzjonali fl-Unjoni Ewropea ma jibqgħux diskriminatorji billi jkun hemm l-istess prezzijiet għal telefonati u messaġġi domestiċi u transkonfinali.