Se jitlaqqgħu għada l-Amministrattiv u l-Eżekuttiv tal-PN

Il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Dr Carm Mifsud Bonnici, se jiltaqa’ tard għada wara nofsinhar biex jiddiskuti, fost affarijiet oħra, il-publikazzjoni tar-rapport tad-due diligence fid-dawl ta’ kontroversja fid-dewmien fil-publikazzjoni tiegħu.

Sorsi viċin tal-PN li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-membri tal-Kunsill irċevew avviż għal-laqgħa msejħa għal għada fil-5.30pm.

Eżatt wara din il-laqgħa, mistennija laqgħa tal-Eżekuttiv li tibda fis-7pm fejn l-istess suġġett jidher li se jiġi diskuss skont deċiżjoni li jieħu l-Kunsill Amministrattiv.

Minkejja li qal diversi drabi li jrid li r-rapport jiġi ppubblikat, il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li dan għandu jiġi ppubblikat “permezz tal-mezzi propja u kif suppost”. Minn naħa tiegħu l-kandidat l-ieħor għall-kariga ta’ Kap tal-PN Bernard Grech iddikjara kemm-il darba li se jippubblika dan ir-rapport hekk kif jasallu, b’kelliem għal Grech jgħid ma’ Newsbook.com.mt li min-naħa tiegħu ta l-awtorizzazzjoni tiegħu bil-miktub biex dan ikun jista’ jsir. L-istess kelliem qal li Grech mhux jeskludi li jeskala din il-materja f’każ li dan id-dokument jibqa’ ma jintbagħatlux.

Ilbieraħ, kelliem għal Bernard Grech qal ukoll li ilu li talab għar-rapport sħiħ minn nhar is-Sibt li għadda meta sar magħruf li l-kumitat ta’ esperti mqabbdin mill-PN biex ifittxu fuq iż-żewġ kontestanti li ħejjew ir-rapport tagħhom. L-istess kelliem qal li l-Ħadd talab kopja liċ-Chairman tal-Kummissjoni Kandidati Colin Bowman u lbieraħ reġa’ talab bil-miktub għal kopja tar-rapport li jikkonċerna lilu lill-Presidenti tal-Amministrattiv, tal-Eżekuttiv u tal-Kunsill Ġenerali kif ukoll liċ-Chairpersons tal-Kummissjoni Kandidati u Kummissjoni Elettorali.

Intant, sorsi viċin il-Partit Nazzjonalista nnutaw kif Delia, f’temp ta’ ftit minuti, ippubblika żewġ posts fuq Facebook: 1) talba liċ-Chairperson tal-Kummissjoni Kandidati biex jippublika r-rapport tad-due diligence, u 2) ftit tal-minuti wara, Delia insista li l-Kummissjoni Kandidati setgħet biss tibgħat ir-rapport lill-Kunsill Amministrattiv u lill-Kummissjoni Elettorali. L-istess sorsi viċin il-Partit Nazzjonalista qalu lil dan is-sit li l-Kunsill Amministrattiv huwa l-uniku organu tal-Partit fejn Delia għadu jgawdi maġġoranza u qed jikber is-suspett li l-għan ta’ Delia huwa li jillimita d-diskussjoni għal forum fejn hu għad għandu kontroll.

L-elezzjoni hija ppjanata li ssir fit-3 ta’ Ottubru li ġej.

Taqbel li r-rapport tad-due diligence jiġi ppubblikat?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt