Se jitilgħu sitt sulari ħdejn is-Simar

Id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) li jiġi approvat bini ta’ sitt sulari ħdejn ir-Riżerva Naturali tas-Simar fix-Xemxija, ma tantx intlaqa' tajjeb mill-ambjentalisti. 
Dan ġie approvat avolja BirdLife Malta kienu opponew il-proposta li saret fi Frar li għadda
F’ittra li kienu bagħtu lill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), u anki lill-Awtorità tal-Ippjanar (PA), huma saħqu li bini ta’ sitt sulari mhuwiex permess.
Fi kliemhom dan għaliex ir-regoli tal-policy tax-Xemxija Building Heights, li tifforma parti mill-Pjan Lokali tal-Majjistral, jistipulaw li ma jistgħux jinqabżu l-erba’ sulari. 
Il-BirdLife saħqu li dan l-iżvilupp se jkollu impatt ħażin ħafna fuq ir-Riżerva tas-Simar, kif ukoll fuq is-sit Natura 2000, li tinkludi l-Miżieb u l-Wied tal-Pwales.
Skont il-Pjan Lokali tal-Majjistral, din iż-żona għandha importanza kbira ekoloġika, u għalhekk il-BirdLife jisħqu sabiex nieħdu ħsiebha kemm jista’ jkun.
L-ERA m'għaddew l-ebda kumment fuq dan l-iżvilupp.
Il-PA qalu biss li se jimplimentaw miżuri xierqa biex jitnaqqas l-istorbju u t-trab waqt il-fażi tal-iżvilupp, biex l-impatt fuq ir-riżerva jkun limitat.