Se jitħejja pjan f’każ li maltemp jerġa’ jaffettwa lill-Għawdxin – Caruana

Se jkun qed jitħejja pjan f’każ li jerġa’ jkun hemm maltemp li jaffettwa lill-Għawdxin skont il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana.

Fi stqarrija, Caruana rreferiet għall-maltemp li għamel fl-aħħar jiem u s-sospensjoni tas-servizz tal-Gozo Channel.

“Dak li ġara lbieraħ mhux każ iżolat u mhux l-ewwel u lanqas l-aħħar darba li seħħ, iżda l-ewwel darba li l-Gvern aġixxa fl-interess ta’ dawk kollha li, minħabba ċirkostanzi naturali, nqabbdu Malta jew Għawdex. Għalkemm konna pronti naġixxu, issa rridu nħejju pjan ta’ kontinġenza li jkun lest biex jiskatta f’ċirkostanzi simili. Għalhekk, se tibda diskussjoni interministerjali biex jiġi fformulat dan il-pjan,” qalet Caruana.

Il-Gvern joffri kamra f’lukanda lill-Għawdxin

Il-Ministru uriet ukoll l-apprezzament tagħha għad-diversi ħaddiema u sidien tal-lukandi li għenu b’xi mod jew ieħor. 

Il-Ministru Caruana avżat ukoll li qed jiġi mfassal mekkaniżmu biex il-ħaddiema Għawdxin li raqdu f’xi lukanda jew f’guest house ipproponuti mill-Ministeru għal Għawdex, jingħataw kumpens għall-ispejjeż konnessi mal-akkomodazzjoni. Iktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn fuq is-sit mgoz.gov.mt jew mill-mobile app MyGozo.

Filmat: Sospiż il-vapur tal-Gozo Channel

Fi stqarrija separata, Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) irringrazzja lis-servizzi kollha tal-emerġenza li marru lil hinn minn dak mitlub minnhom biex jagħtu servizz fil-maltemp qalil.