Se jitħawlu ‘l fuq minn 120 siġra indiġena – Il-Ministru Camilleri

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li s-siġar bħal Olea Europea u ż-Żebbuġa se jinqalgħu u jerġgħu jitħawlu. Hu qal li fost is-siġar li se jinqalgħu hemm numru kbir minnhom li huma aljeni u invażivi. Bħala kumpens se jinżergħu ‘l fuq minn 120 siġra indiġenza fosthom tar-Rand, it-Tarda u l-Iżnuber.

F’Jannar kien tħabbar li madwar 180 siġra kellhom jinqalgħu. Dan minħabba li Infrastructure Malta kellha l-pjan li twessa’ t-triq bejn ir-Rabat Għawdex u Marsalforn.

Skont Camilleri t-triq li mir-Rabat Għawdex tieħu lejn Marsalforn se tinżamm b’żewġ karreġġjati, iżda se jiġi eliminati diversi kurvi li qed jitqiesu perikolużi. Camilleri qal li t-triq eżistenti tinsab fi stat ħażin minħabba li diversi partijiet tal-wiċċ jidhru li qed iċedu. Apparti dan, skont Camilleri, iż-żewġ pontijiet antiki għandhom ħsarat estensivi.

Hu stqarr li kienet ilha tinħass il-ħtieġa li titjieb l-infrastruttura ta’ din it-triq biex tibda tintuża b’mod sigur minn kulħadd.

Camilleri spjega kif se jsir ukoll passaġġ għan-nies li jkunu mixjin u karreġġjata għaċ-ċiklisti li twassalhom mir-Rabat sa Marsalforn mingħajr waqfien. Hu spjega kif il-karreġġjata għaċ-ċiklisti se ssir f’parti biss mit-triq minħabba li r-rotta se titkompla minn triq rurali biex jitnaqqas it-teħid tal-art.

Il-proġett se jinkludi wkoll infrastruttura ġdida tal-ġbir tal-ilma, u se jinbidel ukoll id-dawl tat-triq. Is-servizzi se jgħaddu minn taħt l-art biex jitneħħew il-ħafna wajers li qed ikerrħu t-triq.

Dan ħareġ waqt seduta parlamentari fejn il-Membru Parlamentari Kevin Cutajar staqsa lill-Ministru għal Għawdex għaliex inħass il-bżonn li l-imsemmija triq titwessa’ u minnha jinqalgħu numru ġmielu ta’ siġar.