Se jitħawlu 6,700 siġra sal-aħħar tas-sena – Ian Borg

Read in English.

Matul ix-xhur li ġejjin se jitħawlu b’kollox 6,700 siġra b’investiment ta’ €1 miljun. Dan ħabbru l-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg waqt żjara fil-Forti Rinella.

Huwa spjega li s’issa tħawlu 2,200 siġra fi 13-il post differenti. Fost l-4,500 siġra li fadal, 1,100 minnhom se jitħawlu fil-Forti Rinella.

Borg spjega li jrid ikun bilanċ u qal li jemmen li l-viżjoni tal-Gvern hija waħda olistika, li tħares lejn il-progress u l-iżvilupp bħala opportunità biex titjieb il-kwalità tal-ħajja. Kompla li dan jista’ jsir jekk ikun hemm żvilupp sostenibbli.

Il-Ministru qal li l-Gvern irid li jkun hemm spazji miftuħa li jitgawdew minn kulħadd madankollu dan ma jistax iseħħ ‘jekk il-kwalità tal-arja tibqa’ tiggrava minħabba l-konġestjoni.’