Se jitħassar il-kuntratt ta’ €80,000 lil Konrad Mizzi

Aġġornat 06:33 PM

Read in English.

Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli ħabbret li l-kuntratt ta’ konsulenza li ngħata l-eks Ministru Konrad Mizzi mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, se jiġi tterminat u mħassar b’effett immedjat.

Fi stqarrija, il-Ministru Farrugia Portelli qalet li tat dawn l-istruzzjonijiet lill-MTA wara li ħadet parir legali fuq il-kuntratt.

Ilbieraħ it-Times of Malta żvelat li l-eks Ministru għat-Turiżmu ngħata dan il-kuntratt f’Diċembru 2019, ġimagħtejn wara li rriżenja minn Ministru, fi żmien il-kriżi politika f’Malta.

Farrugia Portelli saħqet li “f’dan l-istadju l-Ministeru jista’ jikkonferma li qatt ma saru ħlasijiet b’rabta ma’ dan il-kuntratt”.

Dalgħodu, l-istess Ministru spjegat lill-ġurnalisti li kien ilbieraħ, it-Tnejn 27 ta’ Jannar li skopriet bil-kuntratt ta’ konsulenza li ngħata Mizzi.

X’qalu l-Ministri Schembri u Bonnici?

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal ma’ Newsbook.com.mt li l-kwistjoni tal-kuntratt ta’ €80,000 ta’ Konrad Mizzi mhix waħda li taqbel jew ma taqbilx dwarha. Schembri stqarr li d-deċiżjoni dwar Mizzi ttieħdet fuq “livell politiku”. Insista li l-Prim Ministru Robert Abela kien ċar meta tkellem dwar il-kontabilità.

Minn naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li sar jaf bil-kuntratt ta’ Konrad Mizzi mill-gazzetti.

L-Oppożizzjoni titlob li l-kuntratt ta’ Mizzi jmur quddiem il-PAC

Intant, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u l-Viċi Kap tal-PN u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Turiżmu Robert Arrigo, it-Tlieta kitbu liċ-Chairperson tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC) biex il-kuntratt bejn l-Awtorità tat-Turiżmu u Konrad Mizzi jitressaq b’mod urġenti quddiem il-PAC.

Fi stqarrija, il-PN spjega li dan biex fost l-oħrajn jiġi determinat:

  • jekk ġewx segwiti r-regoli li jikkonċernaw l-infieq pubbliku
  • jekk il-Bord tal-Awtorità tat-Turiżmu kienx jaf u tax l-approvazzjoni u
  • jekk intalabx il-kunsens tal-Ministeru tal-Finanzi qabel sar dan il-kuntratt.