Se jirriżenja l-Kap Eżekuttiv ta’ Microsoft

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Microsoft, Steve Ballmer ħabbar li se jirtira fi żmien 12-il xahar.

Fil-preżent, Microsoft qed tirċievi kritika ħarxa minn naħa tal-investituri minħabba li l-kumpanija mhix qed tieħu passi konkreti fis-settur tal-mowbajls u t-tablets bħall-kompettituri ewlenin Apple u Google.

Ix-xahar li għadda, Steve Ballmer ħabbar pjan ta’ ristrutturar intiż li jnaqqas il-kritika.

Meta ħabbar li se jirriżenja qal li filwaqt li qatt ma jkun ħin opportun għal tranżizzjoni f’kumpanija kbira issa huwa l-waqt li jkun hemm Kap Eżekuttiv ġdid f’Microsoft.

L-ikbar kumpanija fid-dinja issa ħolqot kumitat apposta li se jistħarreġ l-aħjar persuni li tieħu post Ballmer fit-tmexxija ta’ Microsoft.

F’dan il-kumitat hemm ukoll il-fundatur ta’ Microsoft, Bill Gates.

Steve Ballmer, li għandu 57 sena huwa is-suċċessur ta’ Bill Gates, huma iltaqgħu meta kienu qed jistudjaw fl-Universita’ ta’ Harvard.

Ballmer ingħaqad ma’ Microsoft fl-1980.

Microsoft, li hija l-kumpanija ewlenija fid-dinja tas-sistema operattiva tal-kompjuters qed tesperjenza tnaqqis fil-profitti hekk kif inqas persuni qed jixtru kompjuter u laptops u minflok qed jippreferu t-tablets u l-mowbajls, settur fejn Microsoft jinsabu żvantaġġjati.